News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
18/09/2025 10:04:00
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jippresiedi l-Laqgħa tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-Commonwealth għall-2025
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, ippresieda l-Laqgħa tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-Commonwealth li saret virtwalment nhar it-Tlieta 16 ta' Settembru 2025.

Filwaqt li ġabret flimkien il-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali, uffiċjali għolja u osservaturi maħtura mis-56 pajjiż membru tal-Commonwealth, il-laqgħa rawmet diskussjonijiet produttivi relatati mal-isfidi ekonomiċi nazzjonali u globali. Bit-tema "Strengthening Economic Resilience Amidst the International Policy Shifts", inħolqot diskussjoni vivaċi li pproduċiet bosta interventi mill-istati membri inkluż il-Lesoto, l-Uganda, il-Bangladesh, il-Bahamas, il-Kenja u New Zealand.
Fost il-materji enfasizzati mill-kelliema kien hemm l-impatt dirett tal-gwerer li qed jiżdiedu dwar it-tariffi, u l-inċertezza ekonomika dejjem tikber ikkawżata mit-taqlib ġeopolitiku, iż-żieda fil-piż tad-dejn u t-tnaqqis fl-għajnuna għall-iżvilupp.
Dr Ruth Kattumuri, Direttur Ewlieni għall-Iżvilupp Ekonomiku, il-Kummerċ u l-Investiment, laqgħet lid-delegati tal-Bank f'isem is-Segretarjat tal-Commonwealth. Enfasizzat ir-rwol tas-Segretarjat fl-għoti ta' skambju tal-għarfien, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika lill-istati membri u bejniethom. Tittama li l-inizjattivi proposti, li jinkludu Ċentru ta' Reżiljenza Finanzjarja tal-Commonwealth li jappoġġja l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni fost il-pajjiżi membri, jiġu adottati mill-Istati Membri tal-Commonwealth.

Fid-diskors introduttorju tiegħu, il-Gvernatur Scicluna enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni multilaterali biex jingħelbu l-isfidi preżenti: "Il-frammentazzjoni ġeoekonomika li qed naraw tidher aktar minn tfixkil temporanju. Dan il-fatt jindika bidla fundamentali li teħtieġ li lkoll nestendu l-istrateġiji tagħna lil hinn mill-mandati tradizzjonali tagħna. Id-dgħufija gradwali tal-kooperazzjoni internazzjonali, flimkien mal-vulnerabbiltajiet inerenti tal-pajjiżi tal-Commonwealth li qed jiżviluppaw, tpoġġi lil ħafna mill-banek ċentrali tagħna bħala ċ-ċentru tar-reżiljenza."
Ir-riżultati tal-laqgħa ser iservu bħala bażi għal diskussjoni fil-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-Commonwealth li ser issir fil-marġni tal-Laqgħat Annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali/Grupp tal-Bank Dinji f'Washington, D.C. Malta ser tkompli taħdem mas-Segretarjat tal-Commonwealth bħala President matul dawn il-laqgħat.
Lura lejn l-Arkivju