News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
17/09/2025 14:01:00
Avviż dwar dewmien temporanju għal aġġustamenti fil-limiti tat-trasferimenti istantanji ta’ kreditu bis-SEPA
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jirrikonoxxi t‑tħassib espress minn diversi fornituri lokali tas‑servizzi ta' pagament (PSPs) rigward ir‑riskju akbar ta' frodi, partikolarment fir‑rigward ta' aġġustamenti remoti tal‑limiti tal‑infiq għat‑trasferimenti istantanji ta' kreditu bis‑SEPA.
Skont Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) 2024/886, il-PSPs huma meħtieġa li jippermettu lill-utenti tas-servizzi ta' pagament (PSUs) jimmodifikaw il-limiti tat-trasferimenti ta' kreditu mingħajr ma jimponu l-ebda limitu massimu, u dawn il-modifiki għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament. Filwaqt li r-Regolament ma jippermettix espliċitament perjodu ta' dewmien, il-Bank, bl-applikazzjoni ta' approċċ superviżorju bbażat fuq ir-riskju, ser jikkunsidra l-implimentazzjoni ta' dewmien temporanju sa sitt sigħat għall-applikazzjoni ta' dawn l-aġġustamenti.
Din il-miżura tranżitorja hija maħsuba biex jintlaħaq bilanċ bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta' prevenzjoni tal-frodi. Din ser tibqa' fis-seħħ sakemm jiġi introdott il-qafas ta' maniġġ tar-riskji ta' frodi skont it-Tielet Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament (PSD3) li ser tidħol fis-seħħ u r-Regolament dwar is-Servizzi ta' Pagament (PSR).
Aktar informazzjoni tinsab fl‑Avviż
maħruġ mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju