News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

30/07/2025 09:27:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Lulju

L‑attività kummerċjali ftit ogħla mill‑medja 

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali tjieb bi ftit f'Ġunju, u għalhekk jibqa' moderatament ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, l-indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, kompla jonqos mil-livell ta' Mejju u baqa' taħt il-medja storika.

F'Ġunju, kemm l-indikatur tas-sentiment ekonomiku kif ukoll l-indikatur tal-aspettattivi dwar l-impjiegi ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdiedu fuq ix-xahar ta qabel u kienu f'livell 'il fuq mill-medja storika.

F'Mejju kien hemm żieda fil-produzzjoni industrijali filwaqt li l-kummerċ bl-imnut naqas marġinalment fuq bażi ta' sena fuq sena. F'April, il-produzzjoni tas-servizzi naqset fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra, għat-tielet darba konsekuttiva.

F'Mejju, ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika - fil-livell ta' 2.7%.

Kien hemm żieda fil-permessi għal binjiet residenzjali meta mqabbla mal-livell ta' sena ilu. F'Ġunju, kemm in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq sena qabel.

F'Mejju, ir-rata annwali tat-tkabbir fid‑depożiti tar‑residenti Maltin telgħet bi ftit meta mqabbla ma' April, filwaqt li t‑tkabbir fil‑kreditu mogħti minn istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji f'Malta batta marġinalment.

F'Ġunju, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) niżlet għal 2.5%, minn 2.7% fix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-indiċi li jeskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kien fil-livell ta' 2.4%. Iż-żewġ indiċijiet kienu ogħla mill-medja taż-żona tal-euro. L‑inflazzjoni skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) baqgħet fil-livell ta' 2.4% f'Ġunju.

F'Mejju, il‑Fond Konsolidat irreġistra surplus b'kuntrast ma' defiċit sena qabel, minħabba żieda fid‑dħul tal‑gvern flimkien ma' tnaqqis fl‑infiq tal‑gvern.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn

Lura lejn l-Arkivju