News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

28/07/2025 10:39:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fl-ewwel kwart tal-2025

Matul l‑ewwel kwart tal‑2025, it‑tkabbir annwali fil‑PDG reali kien marġinalment inqas minn dak tal-kwart ta' qabel. It-tkabbir kien xprunat l-aktar mid-domanda domestika, hekk kif il-kontribut mill-esportazzjoni netta kien limitat. It-tkabbir fil-PDG reali baqa' ogħla mir-rata medja għaż-żona tal-euro.

L-istima tal-Bank tas-surplus fil-produzzjoni naqset, u dan jindika ftit moderazzjoni fil‑livell ta' użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija.

L‑Indiċi tal‑Bank dwar il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju u l‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea naqsu bi ftit meta mqabblin mal-kwart ta' qabel, iżda baqgħu 'l fuq mill‑medja storika tagħhom.

Sadattant, l‑Indiċi tal‑Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jissorvelja l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor l‑informazzjoni miġbura mill‑portals tal‑aħbarijiet Maltin, naqas b'mod sinifikanti fl-ewwel kwart u niżel taħt il‑medja storika tiegħu. L-inċertezza kienet primarjament xprunata minn tensjonijiet ġeopolitiċi u inċertezza barra minn Malta, għalkemm fatturi domestiċi kellhom rwol ukoll.

Is-suq tax-xogħol baqa' reżiljenti fost sinjali indikattivi ta' moderazzjoni fid-domanda. Ir-rata tal-qgħad laħqet livell baxx ġdid u kienet ferm inqas minn dik fiż-żona tal-euro. Filwaqt li r-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti naqset bi ftit minn dik fil-kwart korrispondenti tal-2024, l-indikatur tal-iskarsezza tax-xogħol kompla jiżdied u b'hekk baqa' għoli. Skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta kien ogħla mill-medja taż-żona tal-euro.

Il-pressjoni 'l fuq fil-prezzijiet għall-konsumatur żdiedet ftit matul l-ewwel kwart tal-2025. L-inflazzjoni annwali mkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.1% f'Marzu, filwaqt l-indiċi li jeskludi l-enerġija u l-ikel kien ukoll fil-livell ta' 2.1%. Iż-żewġ miżuri tal-inflazzjoni kienu f'livell inqas minn dawk irreġistrati fiż-żona tal-euro.

Fl-ewwel kwart tal-2025, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra surplus, b'kuntrast mad-defiċit irreġistrat fl-istess perjodu sena qabel. Madankollu kiber il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG. Il-proporzjon tad-defiċit fil-PDG kien kemxejn ikbar minn dak fiż-żona tal-euro, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn kien ferm aktar baxx.

Matul l-ewwel kwart tas-sena, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) naqqas ir‑rati tal‑politika monetarja b'total ta' nofs punt perċentwali b'mod kumulattiv hekk kif il-proċess ta' diżinflazzjoni baqa' kif antiċipat.

Ir-rati tal-imgħax tal-BĊE tnaqqsu b'50 punt bażi ieħor bejn April u Ġunju 2025, bir-rata fuq il-faċilità tad-depożitu tkun fil-livell ta' 2.00%. Minħabba li bħalissa l-inċertezza hi eċċezzjonali, il-Kunsill Governattiv ser ikompli jfassal il-politika monetarja tiegħu skont id-data li tidħol u laqgħa b'laqgħa. Il-Kunsill Governattiv tenna wkoll li ma kienx qed jikkommetti ruħu minn qabel għal perkors partikolari fir-rata tal-imgħax.

It-tielet ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2025 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.

Lura lejn l-Arkivju