News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
18/07/2025 09:43:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma Ftehim ta’ Appoġġ għall-Istudji Postgradwatorji u l-Eċċellenza Akkademika
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, l‑Università ta' Malta, u t-Trust għar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp iffirmaw Ftehim ta' Kollaborazzjoni ta' Appoġġ għall‑Istudji bil‑għan li jissaħħu l‑edukazzjoni postgradwatorja u r‑riċerka fl-oqsma tal-ekonomija, il‑banek, il‑finanzi, l‑assigurazzjoni, u l‑politika pubblika.
Skont il-ftehim ta' tliet snin, li jibda f'Ottubru 2025, il-Bank Ċentrali ser jipprovdi kontribut annwali lit-Trust għar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp tal-Università. Dawn il-fondi ser jintużaw biex jappoġġaw l-involviment ta' professuri barranin ta' reputazzjoni akkademika u professjonali rikonoxxuta, li ser jikkontribwixxu għall-għoti ta' lekċers għall-istudenti rreġistrati f'għadd ta' programmi postgradwatorji offruti mill-Fakultà tal-Ekonomija, il-Maniġmenti u l-Kontabilità.
Il-professuri barranin ser jipparteċipaw ukoll f'seminars speċjalizzati kkoordinati mill-Bank u jwettqu riċerka allinjata mal-interessi strateġiċi tiegħu.
Biex ikompli jippromwovi l‑eċċellenza akkademika, il‑Bank ser jisponsorja wkoll żewġ premjijiet annwali, waħda għall‑aħjar studenti u oħra għall‑aħjar teżi fil‑programm MSc fl-Ekonomija.

Ringiela ta' wara mix-xellug: Dr Pauline Lanzon, il-Professur Emanuel Said,
is-Sur Wilfred Kenely u l-Onorevoli Claudette Buttigieg
Ringiela ta' quddiem: L-Aġent Gvernatur Alexander Demarco u r-Rettur Alfred J. Vella
Ritratt: Università ta' Malta
Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, il-Professur Alfred J. Vella, tkellem dwar il-valur miżjud ta' impenn bħal dan għall-esperjenza tat-tagħlim tal-istudenti. "Dan l-għarfien espert miżjud mhux biss jiżgura li l-kontenut mogħti jkun tal-ogħla livell akkademiku, iżda jġib ukoll rilevanza u għarfien tad-dinja reali, u fl-aħħar mill-aħħar iqanqal interess aktar profond, jinfluwenza l-andament tal-karriera u jgħolli l-profil akkademiku tal-istituzzjoni kollha tagħna."
Fid-diskors tiegħu dwar il-ftehim, is-Sur Alexander Demarco, l-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, qal li din il-kollaborazzjoni tirrifletti impenn komuni għall-avvanz fil-qasam tar-riċerka u l-edukazzjoni ta' Malta, speċjalment fl-oqsma tal-ekonomija, il-banek, il-finanzi u l-politika pubblika, filwaqt li trawwem rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-akkademja u s-settur finanzjarju.
Lura lejn l-Arkivju