News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

27/06/2025 08:58:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ġunju

L‑attività kummerċjali ftit ogħla mill‑medja, filwaqt li tonqos l‑inċertezza

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Mejju t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali batta ftit iżda baqa' moderatament ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, l-indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, naqas mil-livell ta' April u jinsab ftit taħt il-medja storika tiegħu.

F'Mejju, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea naqas filwaqt li l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi żdied, b'tal-ewwel jinżel taħt il-medja storika tiegħu, u tal-aħħar jaqbiżha.

F'April, il-produzzjoni industrijali naqset għall-ewwel darba minn nofs l-2024, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut kiber marġinalment. F'Marzu, il-produzzjoni tas-servizzi naqset fuq sena qabel għat-tieni darba konsekuttiva.

F'April, ir-rata tal-qgħad laħqet livell baxx storiku ġdid ta' 2.7%.

Sadattant kien hemm żieda fil-permessi għal bini residenzjali meta mqabbla mal-livell ta' sena ilu. F'Mejju, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq sena qabel.

F'April, ir‑rata annwali fid‑depożiti tar‑residenti Maltin telgħet bi ftit meta mqabbla ma' Marzu, filwaqt li t‑tkabbir fil‑kreditu mogħti minn istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji f'Malta baqa' jikber bl-istess rata għolja tax-xahar ta' qabel.

F'Mejju, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.7% minn 2.6% fix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet fil-livell ta' 2.7%. Iż-żewġ indiċijiet kienu ogħla mill-medja taż-żona tal-euro. L‑inflazzjoni skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) baqgħet fil-livell ta' 2.4% f'Mejju.

F'April, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit kemxejn ikbar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif iż-żieda fl-infiq tal-gvern kienet ikbar minn dik fid-dħul tiegħu.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju