News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

28/05/2025 09:44:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Mejju

L‑attività kummerċjali baqgħet pożittiva, fi sfond ta' żieda fl-inċertezza politika ekonomika 

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali tjieb bi ftit f'April, u kien kemxejn ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, li jitkejjel billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, żdied mil-livell ta' Marzu u laħaq l-ogħla livell irreġistrat din is-sena. Fil-biċċa l-kbira dan jirrifletti żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi globali minħabba bidliet fit‑tariffi tal‑kummerċ.

F'April kemm l-indikatur tas-Sentiment Ekonomiku kif ukoll l-Indikatur dwar l-Aspettattivi tal-Impjiegi tal-Kummissjoni Ewropea naqsu xi ftit. Filwaqt li tal-ewwel baqa' ogħla mill-medja storika, tal-aħħar kien f'livell taħt il-medja storika.

F'Marzu, il-produzzjoni industrijali żdiedet b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbla ma' Frar, filwaqt li r-rata ta' tkabbir tal-kummerċ bl-imnut inbidlet u saret pożittiva. Fi Frar, il-produzzjoni tas-servizzi naqset fuq sena qabel wara perjodi suċċessivi ta' tkabbir.

F'Marzu, ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess fil-livell ta' 2.8% meta mqabbla max-xahar ta' qabel, iżda kienet inqas minn dik irreġistrata fl-istess xahar sena ta' qabel.

Sadattant kien hemm żieda fil-permessi għal bini residenzjali meta mqabbla mal-livell ta' sena ilu. F'April, l-għadd ta' konvenji għal binjiet residenzjali żdied fuq sena qabel, filwaqt li n-numru ta' kuntratti ta' bejgħ naqas.

Matul it‑tnax‑il xahar sa Marzu, id‑depożiti tar‑residenti Maltin żdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbla ma' Frar, filwaqt li r‑rata annwali tas-self mogħti mill‑istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji f'Malta baqgħet fl‑istess livell.

F'Marzu, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.6%, minn 2.1% fix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet fil-livell ta' 2.5%. L-inflazzjoni HICP totali f'Malta kienet ogħla minn dik fiż-żona tal-euro, waqt li l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet taħt il-medja taż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni telgħet għal 2.4% f'April, żieda minn 2.1% f'Marzu.

F'Marzu, il-Fond Konsolidat irreġistra żieda fid-defiċit meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif l-infiq tal-gvern żied b'iktar mid-dħul tiegħu.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju