News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

14/05/2025

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fir-raba’ kwart tal-2024

Matul ir‑raba' kwart tal‑2024, it‑tkabbir annwali fil‑prodott domestiku gross (PDG) reali mmodera meta mqabbel mal‑perjodu preċedenti iżda xorta baqa' ogħla mir‑rata medja għaż‑żona tal‑euro. It-tkabbir kien dovut l-aktar għad-domanda domestika, anke meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni.

Id‑differenza bejn il-produzzjoni reali u l-istima tal-Bank tal-attività potenzjali ċkienet. Dan jindika ftit moderazzjoni fil‑livell ta' użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija.

L‑Indiċi tal‑Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan‑Negozju tjieb bi ftit meta mqabbel mal-kwart ta' qabel u baqa' ogħla mill‑medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea żdied u kien f'livell 'il fuq mill-medja storika tiegħu.

Sadattant, l‑Indiċi tal‑Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jissorvelja l‑inċertezza politika ekonomika billi jikkonsolida l‑informazzjoni miġbura mill‑portals tal‑aħbarijiet Maltin, żdied b'mod sinifikanti fir‑raba' kwart iżda baqa' kemxejn taħt il‑medja storika tiegħu. Din iż-żieda tirrifletti primarjament żieda fl-inċertezza ekonomika u politika barra minn xtutna.

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika, ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti żdiedet bi ftit u l-indikatur tal-iskarsezza tax-xogħol baqa' stabbli f'livell għoli. Skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta kien ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet iżjed baxxa.

Il-pressjoni 'l fuq fil-prezzijiet għall-konsumatur kompliet tbatti matul ir-raba' kwart tal-2024. L-inflazzjoni annwali, hekk kif imkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP), niżlet għal 1.8% f'Diċembru, filwaqt l-indiċi li jeskludi l-enerġija u l-ikel kien fil-livell ta' 2.0%. Iż-żewġ indiċijiet kienu taħt il-medja taż-żona tal-euro.

Fir-raba' kwart tal‑2024, il‑proporzjon tad‑defiċit tal-gvern ġenerali fil‑PDG żdied meta mqabbel ma' Settembru, filwaqt li żdied ukoll il-proporzjon tad‑dejn tal-gvern ġenerali fil‑PDG. Il-proporzjon tad-defiċit fil-PDG kien ikbar minn dak fiż-żona tal-euro, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn kien ferm aktar baxx. Matul is-sena kollha naqsu l-proporzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn fil-PDG.

Matul l-aħħar kwart tas-sena, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) naqqas ir‑rati tal‑politika monetarja b'total ta' nofs punt perċentwali fost sinjali kontinwi ta' aktar diżinflazzjoni.

Ir-rati tal-imgħax tal-BĊE tnaqqsu b'75 punt bażi ieħor bejn Jannar u April 2025. Fil-kundizzjonijiet attwali ta' inċertezza eċċezzjonali, il-Kunsill Governattiv ser ifassal il-politika monetarja tiegħu skont id-data ġdida li tidħol u laqgħa b'laqgħa.

It-tieni ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2025 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank.

Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.

Lura lejn l-Arkivju