News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
30/04/2025 07:50:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ April
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali 'l fuq mill-medja storika
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Marzu, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali tjieb bi ftit u kien kemxejn ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, żdied mil-livell ta' Frar u għall‑ewwel darba din is‑sena qabeż il‑medja storika tiegħu, l-aktar minħabba aktar tensjonijiet ġeopolitiċi globali mit‑tariffi tal‑kummerċ.
F'Marzu kemm l-indikatur tas-sentiment ekonomiku kif ukoll l-indikatur tal-aspettattivi dwar l-impjiegi ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdiedu u qabżu l-medja storika.
Fi Frar, il-produzzjoni industrijali żdiedet b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbla ma' Jannar, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut waqa'. F'Jannar, ir-rata annwali ta' tibdil fil-produzzjoni tas-servizzi kienet aktar moderata meta mqabbla max-xahar ta' qabel.
Fi Frar, ir-rata tal-qgħad naqset għal 2.7% u kienet aktar baxxa minn dik fix-xahar ta' qabel u dik fl-istess xahar sena qabel.
Sadanittant, il-permessi għal bini residenzjali naqsu aktar min-nofs meta mqabbla mal-livell ta' sena ilu. F'Marzu, l-għadd ta' konvenji għal binjiet residenzjali naqas fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra, filwaqt li l-kuntratti ta' bejgħ naqas marġinalment.
Matul it‑tnax‑il xahar sa Frar kien hemm tkabbir b'saħħtu fid‑depożiti tar‑residenti Maltin u fil‑kreditu mogħti minn istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji f'Malta. Filwaqt li l-bidla fir‑rata annwali tad‑depożiti ta' residenti kienet iżgħar meta mqabbla ma' Jannar, ir‑rata tat-tkabbir annwali għall‑kreditu kienet marġinalment ogħla.
F'Marzu, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.1% minn 2.0% xahar qabel, filwaqt li l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel telgħet ukoll bi ftit għal 2.1%. Iż-żewġ rati kienu taħt il-medja taż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni telgħet għal 2.1% f'Marzu, żieda minn 1.9% fi Frar.
Fi Frar, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif żieda fin-nefqa tal-gvern kienet akkumpanjata minn tnaqqis fid-dħul tal-gvern, minħabba tibdil fiż-żmien ta' meta ġew imħallsa ċerti taxxi.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju