News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

13/03/2025 09:55:00

Delegazzjoni tal-Bank Ċentrali ta' Malta żżur il-Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Kosovo fil-qafas tal-kooperazzjoni dwar il-Verifika tal-Governanza

Bejn l-4 u s-7 ta' Marzu Delegazzjoni mill-Bank Ċentrali ta' Malta, immexxija mis-Sur Aidan Massa, Kap tad-Dipartiment tal-Awditjar Intern, u li kienet tinkludi wkoll lis-Sur Bartholomeo Buhagiar, Maniġer tad-Dipartiment tal-Awditjar Intern, u s-Sinjura Daniela Sammut, Esperta Prinċipali tad-Dipartiment tal-Awditjar Intern żaru l-Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Kosovo (CBK) bejn l-4 u s-7 ta' Marzu 2025 biex iwettqu awditu komprensiv tal-Governanza.

Dan l-impenn kien ir-riżultat ta' ftehim preliminari bejn il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Kosovo, is-Sur Ahmet Ismaili, u l-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta (CBM), is-Sur Alexander Demarco, bħala parti mill-ftehim ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet wara żjara minn delegazzjoni tas-CBK, immexxija mill-Gvernatur u li inkludiet membri tal-Bord tas-CBK, f'Malta s-sena l-oħra.

Matul din iż-żjara, it-tim tal-Awditjar Intern mis-CBM kellu laqgħat ma' dawn ir-rappreżentanti tas-CBK kif ukoll il-Kap tal-Awditjar Intern u l-Kapijiet ta' oqsma rilevanti oħra, biex jivvalutaw u jipprovdu rakkomandazzjonijiet biex jindirizzaw kwalunkwe dgħufija jew qasam ta' titjib fil-prattiki ta' governanza fis-CBK.

Żjara fil-Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Kosovo
Ritratt: Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Kosovo

Is-CBK huwa impenjat bis-sħiħ biex ikompli jibni u jtejjeb il-governanza istituzzjonali tiegħu, filwaqt li jiggarantixxi sistema finanzjarja stabbli, trasparenti u sigura, b'appoġġ internazzjonali wiesa' mis-sħab tiegħu. Din il-kooperazzjoni mmarkat mument storiku għas-CBK, peress li kienet l-ewwel darba li tali verifika twettqet minn Bank Ċentrali Nazzjonali tal-Eurosistema.

Barra minn hekk, dan l-impenn ifisser pass importanti għas-CBK fit-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li jikkonferma l-impenn tas-CBK li jimplimenta l-ogħla standards ta' ġestjoni u kontroll istituzzjonali.

Il-Gvernatur tas-CBK esprima r-ringrazzjament l-aktar sinċier tiegħu lit-tim tas-CBM u lill-Aġent Gvernatur, għall-assistenza pprovduta fil-qafas ta' din il-kooperazzjoni u laqa' r-rieda tas-CBM li jassisti permezz ta' impenji ta' kooperazzjoni simili.

Lura lejn l-Arkivju