News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

28/01/2025 11:35:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Jannar

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kemxejn taħt il-medja storika 

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju juri li f'Diċembru, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali niżel kemxejn taħt il-medja storika.

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas u kien f'livell taħt il-medja storika. L-Indikatur dwar l-Aspettattivi dwar l-Impjiegi naqas ukoll matul Diċembru għalkemm baqa' ogħla mill-medja storika.

Minn din il‑ħarġa, l‑Aġġornament Ekonomiku ser jibda jinkludi kummentarju fil-qosor dwar l‑Indiċi tal‑Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika. Dan l-indikatur jissorvelja l‑inċertezza politika ekonomika billi jikkonsolida l‑informazzjoni miġbura mill-portals tal‑aħbarijiet Maltin. L-indiċi kien kemxejn ogħla mill-medja storika minħabba żieda minn fatturi globali.

F'Novembru, kemm il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-kummerċ bl-imnut żdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbla ma' Ottubru. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-produzzjoni tas-servizzi mmodera bi ftit f'Ottubru meta mqabbel ma' Settembru. Ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika. Din baqgħet l-istess mix-xahar preċedenti u taħt ir-rata ta' sena qabel.

Il-permessi għal binjiet residenzjali f'Novembru kienu ogħla minn dawk tal-istess xahar sena ilu. F'Diċembru, l-għadd ta' konvenji għal binjiet residenzjali naqas fuq l-istess xahar tal-2023, filwaqt li l-kuntratti ta' bejgħ żdiedu.

Matul it-tnax-il xahar sa Novembru, it-tkabbir fid-depożiti tar-residenti Maltin li jifformaw parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3 kien aktar b'saħħtu minn dak fit-tnax-il xahar sa Ottubru. Il-kreditu lir‑residenti Maltin żdied ukoll b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel max‑xahar ta' qabel minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali u kif ukoll fil-kreditu lil residenti oħrajn.

F'Diċembru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) naqset għal 1.8%, filwaqt li l-miżura tal-HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel  kienet fil-livell ta' 2.0%. Iż-żewġ rati kienu ferm taħt il-medja taż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni f'Diċembru naqset għal 1.2% minn 1.3% f'Novembru.

F'Novembru, il-Fond Konsolidat irreġistra żieda fid-defiċit meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif it-tkabbir fl-infiq tal-gvern kien akbar miż-żieda fid-dħul.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju