News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

16/01/2025 13:12:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jaġġorna d-Direttiva Nru 1 dwar il-Provvediment u l-Użu tas-Servizzi ta’ Pagament

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il‑Bank) illum ippubblika test aġġornat tad‑Direttiva Nru 1 dwar il‑Provvediment u l-Użu tas-Servizzi ta' Pagament li timplimenta d‑dispożizzjonijiet tat‑Titoli III u IV tad‑Direttiva riveduta dwar is‑servizzi ta' pagament (PSD2) jiġifieri d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern. B'hekk din temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u tirrevoka d-Direttiva 2007/64/KE, oriġinarjament ippubblikata fid-9 ta' Jannar 2018.

Id-Direttiva Nru 1 tal-Bank qiegħda tiġi emendata biex tirrifletti l-bidliet li rriżultaw mill-introduzzjoni tal-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA) jiġifieri r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju. L-ambitu ewlieni ta' dan ir-Regolament huwa li jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju fir-rigward tal-ICT u r-riskji ċibernetiċi.

Kif deskritt f'Artikolu 2(1) ta' DORA, dan ir-Regolament jirregola l-biċċa l-kbira tal-entitajiet fl-ambitu tad-Direttiva Nru 1, inklużi istituzzjonijiet ta' kreditu, istituzzjonijiet ta' pagament, istituzzjonijiet ta' flus elettroniċi u fornituri tas-servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet. Fid-dawl li DORA tinkludi wkoll rekwiżiti dwar rappurtar ta' inċidenti kbar, fejn tali dispożizzjonijiet huma koperti wkoll skont id-Direttiva Nru 1, il-paragrafu 71 tad-Direttiva qiegħed jiġi emendat biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni regolatorja.

Għaldaqstant, entitajiet fl-ambitu ta' DORA m'għandhomx aktar jirrapportaw inċidenti kbar lill-Bank iżda pjuttost lill-awtorità kompetenti taħt DORA, li hija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA).

Lura lejn l-Arkivju