News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

07/12/2023 08:33:00

Forum annwali għall‑Istabbiltà Finanzjarja tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta organizza l‑Forum annwali tiegħu għall‑Istabbiltà Finanzjarja fis‑6 ta' Diċembru 2023 f'Binja Laparelli. L-għan tal-Forum huwa li jiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin fis-settur bankarju u finanzjarju biex jiddiskutu l-aħħar sfidi u żviluppi li għandhom impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja. Il-Forum ta' din is-sena kien ippresedut minn Mr Alan Cassar, Chief Officer għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Istatistika.

L-Udjenza

Fir-rimarki tiegħu tal-ftuħ, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Scicluna qal li "filwaqt li l‑awtoritajiet jistgħu jimplimentaw riformi u oqfsa regolatorji aktar b'saħħithom, is‑suċċess ta' dawn il‑politiki jiddependi ħafna fuq l‑imġiba tal‑parteċipanti fis‑swieq." 

Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna
Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna

Id-Deputat Gvernatur, Mr Alexander Demarco
Id-Deputat Gvernatur, Mr Alexander Demarco

Id-Deputat Gvernatur, Mr Oliver Bonello
Id-Deputat Gvernatur, Mr Oliver Bonello

Dr William Gatt Fenech, Maniġer tal‑Uffiċċju għar‑Riċerka dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja, tkellem dwar l-iżvilupp ta' credit gap semistrutturali għal Malta bbażat fuq multivariate filter, li huwa għodda addizzjonali mal-għodda preżenti tal‑Bank għall-evalwar tar‑riskju ċikliku. L-udjenza mbagħad ġiet indirizzata mid-Deputat Gvernatur Mr Alexander Demarco li pprovda aġġornament tal-istatus dwar il-proġett tal-Euro Diġitali. Spjega li wara l-konklużjoni tal-fażi ta' investigazzjoni ta' sentejn dwar id-disinn tal-euro diġitali, il-fażi ta' tħejjija ser twitti t-triq għad-deċiżjoni li jinħareġ l-euro f'forma diġitali, li jista' jintuża għall-pagamenti diġitali kollha fiż-żona kollha tal-euro. Din id-diskussjoni indirizzat ukoll il-kunsiderazzjonijiet dwar l-istabbiltà finanzjarja ta' euro diġitali, fejn Mr David Stephen Law ippreżenta wkoll evalwazzjoni tal-impatt. 

Dr William Gatt Fenech, Maniġer tal‑Uffiċċju għar‑Riċerka dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja
Dr William Gatt Fenech, Maniġer tal‑Uffiċċju għar‑Riċerka dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja

Fil-Forum ta' din is-sena, l-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin (MBA) ġiet mistiedna tiddiskuti t-triq tal-banek lejn il-konformità mal-ESG. Mr Karol Gabarretta flimkien ma' Mr Glenn Bugeja, Viċi President tal-Kumitat Permanenti tal-MBA dwar l-ESG, is-Sostenibbiltà u t-Tkabbir Ekonomiku, tkellmu dwar materji ewlenin li l-komunità bankarja qed tiffaċċja. Ms Catherine Galea, Kap tas-Superviżjoni Bankarja tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, tat introduzzjoni qasira dwar ir-rekwiżiti attwali imposti fuq il-banek, u pproponiet modi biex jiġu indirizzati l-isfidi f'dan il-qasam. 

Panel 1
Mix-Xellug: Mr Karol Gabarretta, Segretarju Ġenerali tal-MBA, Mr Glenn Bugeja, Viċi President tal-MBA, Ms Catherine Galea, Kap tas-Superviżjoni Bankarja tal-MFSA u Mr Alan Cassar, Chief Officer għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Istatistika tal-Bank

Fir-rimarki tiegħu tal-għeluq, id-Deputat Gvernatur Mr Oliver Bonello rrefera għall-irwol komplementari tal-euro diġitali għall-istrateġija tal-Eurosistema għall-pagamenti bl-imnut, kif ukoll dwar l-importanza tal-ESG billi dan qed isir aspett dejjem aktar ewlieni fil-qasam tan-negozju.

Panel
Mix-Xellug: Mr David Law, CBM Principal Expert, Policy, Crisis Management and Stress Testing Department, id-Deputat Gvernatur Mr Alexander Demarco, Mr Stephen Attard, Kap tal-Policy, Crisis Management and Stress Testing Department tal-Bank, Mr Alan Cassar, Chief Officer għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Istatistika tal-Bank u Ms Wendy Zammit, Kap tal-Financial Stability Surveillance and Research Department tal-Bank

Ritratti: Melvin Bugeja

Lura lejn l-Arkivju