News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

06/12/2023 12:26:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa fit-Taħriġ tal-ILO u CONNECT sabiex tissaħħaħ il-kapaċità attwarja tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Asja

Fil-21 ta' Novembru, iċ-Chief Economist tal-Bank, Dr Aaron G. Grech u Mr Kurt Sant, senior economist fil-Fiscal Affairs and Reports Office, taw preżentazzjoni f'avveniment ta' taħriġ ta' evalwazzjoni attwarja reġjonali organizzat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Dan il-workshop, li sar bejn l-20 u l-24 ta' Novembru f'Bangkok, it-Tajlandja, kien maħsub biex isaħħaħ il-kapaċità attwarja tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Asja.

Għall-avveniment attendew 40 parteċipant/a mill-Kambodja, l-Indoneżja, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos, il-Malasja, il-Pakistan, it-Tajlandja u l-Vjetnam. Dan ġie ffinanzjat minn Connect - netwerk ta' diversi partijiet ikkonċernati ta' istituzzjonijiet pubbliċi u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fir-reġjun Asja-Paċifiku li jaħdmu biex inaqqsu l-lakuni fil-protezzjoni soċjali. Kien hemm kelliema mill-ILO, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-universitajiet Ażjatiċi, u l-Uffiċċju tal-Kap Attwarju tal-Kanada.

Dr Grech u Mr Sant taw preżentazzjoni dwar l-innovazzjoni tal-politika fil-pensjonijiet, il-qgħad u l-benefiċċji tal-assistenza soċjali. Il-kontribut tagħhom ħares lejn l-impatt ta' żewġ innovazzjonijiet ta' politika mwettqa f'Malta; jiġifieri t-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għal dawk li jibdew jaħdmu, u l-introduzzjoni ta' skema kumplimentari għal dawk li jagħżlu li ma jiħdux il-pensjoni tagħhom ta' 61 sena. Dawn iż-żewġ skemi nstabu li tejbu ħafna r-rata tal-impjiegi fost il-gruppi vulnerabbli u wasslu għal karrieri itwal fost il-ħaddiema ta' età akbar.  Dawn ir-riżultati ta' riċerka diġà dehru f'pubblikazzjonijiet tal-Bank Ċentrali ta' Malta kif ukoll f'ġurnali akkademiċi.

Aktar informazzjoni dwar l-avveniment tinsab fuq is-sit elettroniku tal-ILO.

Lura lejn l-Arkivju