News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
29/09/2023 10:00:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Settembru
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali konformi mal-medja storika
L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Awwissu, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien b'mod ġenerali konformi mal-medja storika.
L-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea u l-aspettattivi dwar l-impjiegi naqsu bi ftit meta mqabbla ma' Lulju. Madankollu t-tnejn baqgħu 'l fuq mill-medja storika.
F'Awwissu, l-aspettattivi tal-prezzijiet kienu ferm taħt il-livell tas-sena l-oħra fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Huma kienu wkoll kemxejn aktar baxxi fost il-konsumaturi u l-kumpaniji tas-servizzi. B'kuntrast, l-aspettattivi tal-prezzijiet fl-industrija u l-kostruzzjoni kienu 'l fuq mil-livell ta' Awwissu 2022.
L-indikaturi tal-attività, inklużi dawk għas-suq tax-xogħol, kienu pożittivi.
F'Lulju, il-livell ta' depożiti tar‑residenti Maltin baqa' b'mod ġenerali l‑istess meta mqabbel ma' sena qabel. Sadattant, il‑kreditu żdied b'rata annwali marġinalment aktar mgħaġġla.
Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali naqsu f'Lulju meta mqabbla mal-livelli ta' xahar ilu iżda kienu f'livell ogħla f'termini annwali. F'Awwissu, in-numru ta' konvenji tela' sena fuq sena, filwaqt li n-numru ta' kuntratti ta' bejgħ naqas.
Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) u l‑Indiċi tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (RPI) kompliet tonqos f'Awwissu għal 5.0% u 4.0%, rispettivament.
F'Lulju, il-Fond Konsolidat irreġistra tnaqqis fid-defiċit meta mqabbel ma' sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju