News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

02/08/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għall-2023

Żviluppi ekonomiċi fl-ewwel kwart tal-2023

L‑ekonomija Maltija kibret b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbla mal-kwart ta' qabel. Meta wieħed jeskludi l-importazzjoni, il-kummerċ barrani kien l-istimolu ewlieni għat-tkabbir, hekk kif il-kontribut tad-domanda domestika, għalkemm pożittiv, kien baxx. L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet pożittiva, iżda naqset. Dan jindika li filwaqt li kien hemm użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija, dan batta xi ftit.

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju kien f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tela' 'l fuq mill-medja storika tiegħu.

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi.

Il-pressjoni fuq iż-żieda fil‑prezzijiet għall‑konsumatur battiet xi ftit, għalkemm l‑inflazzjoni baqgħet għolja minn perspettiva storika.

Il‑proporzjon tad‑defiċit tal-gvern ġenerali fil‑prodott domestiku gross (PDG) naqas filwaqt li dak tad‑dejn żdied bi ftit meta mqabbel mar‑raba' kwart tal‑2022.

Il-PDG u t-tkabbir fl-impjiegi f'Malta kienu ogħla meta mqabbla mal-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet aktar baxxa. Madankollu, l-inflazzjoni kienet f'livell ogħla. Filwaqt li l-proporzjon tad-defiċit fil-PDG ta' Malta kien ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, il-proporzjon tad-dejn fil-PDG kien aktar baxx.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għall-2023

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja meħuda mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Fid-dawl tal-pressjonijiet inflazzjonarji persistenti, il-BĊE reġa' għolla r-rati ewlenin tal-imgħax tiegħu fi Frar u f'Marzu. Ġew imħabbra żidiet addizzjonali f'Mejju, f'Ġunju u f'Lulju.

Minn Marzu 2023, u sal-aħħar ta' Ġunju, l-Eurosistema bdiet tinvesti mill-ġdid parti biss mit-titoli li jkunu qed jimmaturaw taħt il-Programm ta' Xiri ta' Assi (APP). Dawn l-investimenti mill-ġdid intemmu minn Lulju 2023. Dawn id-deċiżjonijiet huma riflessi fi tnaqqis fil-valur tat-titoli taħt dan il-programm.

Il-Kunsill Governattiv ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li nxtraw taħt il-programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika (PEPP) iżda li qed jimmaturaw, sa mill-inqas sal-aħħar tal-2024.

Links

Lura lejn l-Arkivju