News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
01/08/2023
Malta taderixxi mal-inizjattiva tal-Fond Monetarju Internazzjonali għal Standard Speċjali għall-Pubblikazzjoni tad-Data Plus
Fil-31 ta' Lulju 2023, waqt Konferenza Stampa, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Bank Ċentrali ta' Malta ħabbru li Malta ssodisfat ir-rekwiżiti għall-aderenza mal-Istandard Speċjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għall-Pubblikazzjoni tad-Data (SDDS) Plus. Dan it-twettiq jimmarka l-ogħla livell ta' Inizjattivi tal-Istandards tad-Data tal-Fond. Dan l-avveniment, li sar f'Binja Laparelli tal-Bank Ċentrali ta' Malta, jiċċelebra pass ieħor importanti għal Malta fl-ippubblikar ta' informazzjoni statistika tal‑ogħla livell. Preżenti għall-konferenza kien hemm il-Professur Edward Scicluna, Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, Mr Etienne Caruana, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, Dr Carl Camilleri, Chairman tal-Awtorità tal-Istatistika ta' Malta (MSA), u Mr Bert Kroese, Kap Statistiku tal-FMI u Direttur tad-Dipartiment tal-Istatistika.
L-Inizjattivi tal-FMI dwar l-Istandards tad-Data ġew stabbiliti f'nofs is-snin disgħin biex itejbu t-trasparenza tad-data tal-pajjiżi membri bħala riżorsa pubblika globali u biex jippromwovu l-iżvilupp ta' sistemi statistiċi li tista' toqgħod fuqhom. Il-ħtieġa għal standards ta' tixrid ta' data ġiet enfasizzata mill-kriżijiet finanzjarji ta' bejn in-nofs u l-aħħar tas-snin disgħin wara li nstab li nuqqas ta' data affidabbli kellu rwol fir-riżultati negattivi ta' dak iż-żmien. L-għan tal-SDDS Plus hu li jgħin lill-pajjiżi statistikament avvanzati bil-pubblikazzjoni ta' data ekonomika u finanzjarja komprensiva, f'waqtha u affidabbli. Dan f'ambjent ta' integrazzjoni ekonomika u finanzjarja kontinwa.
Il-Professur Edward Scicluna laqa' dan l-avveniment importanti għal Malta u nnota li "it-tixrid ta' ġabriet ġodda ta' data għal Malta taħt l-SDDS Plus ser ikun imprezzabbli biex jitrawwem fehim aktar profond u evalwazzjonijiet aktar infurmati tal-andament tas-setturi finanzjarji u oħrajn tal-ekonomija ta' Malta, id-dejn gross tal-gvern, u titoli ta' dejn b'mod ġenerali."

Mr Etienne Caruana saħaq li t-tħaddin tal-SDDS Plus huwa konformi mal-valuri ewlenin tal-Uffiċċju. Billi jimpenja ruħu b'mod volontarju għal dan l-istandard, pajjiż juri d-dedikazzjoni tiegħu għat-trasparenza u t-tixrid ta' data ekonomika u finanzjarja ta' livell għoli. L-SDDS Plus jinvolvi standards stretti tad-data li jitolbu informazzjoni komprensiva, f'waqtha u preċiża mill-pajjiżi parteċipanti. L-aderenza mal-SDDS Plus tħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni, il-promozzjoni tal-iskambju tal-għarfien, l-aħjar prattiki, u l-assistenza teknika fost il-pajjiżi membri.
Dr Carl Camilleri jinsab sodisfatt b'dan il-progress, li sar permezz ta' investimenti fit-Taqsima tal-Komunikazzjoni u Tixrid, u l-unitajiet ta' produzzjoni relevanti, kif ukoll ix-xogħol kollettiv u ħabrieki tal-partijiet kollha involuti. Il-kollaborazzjoni b'suċċess mal‑Bank Ċentrali ta' Malta kienet strumentali f'din il-kisba. L-MSA tistenna bil-ħerqa aktar kollaborazzjonijiet ma' entitajiet pubbliċi oħra, minħabba li dawn is-sħubijiet huma kruċjali għas-sostenn tal-produzzjoni ta' statistika uffiċjali.
Mr Bert Kroese tkellem dwar kif l-FMI saħħaħ gradwalment l-SDDS billi inkorpora kategoriji ġodda ta' data u rekwiżiti addizzjonali li laħqu l-quċċata tagħhom fl-SDDS Plus. L-SDDS Plus jissostitwixxi l-SDDS u huwa l-aktar standard eżiġenti għat-tixrid tad-data. Hu għandu l-għan li tipprovdi informazzjoni dwar il-pajjiżi membri tal-FMI, li issa jinkludu wkoll lil Malta, li l-ekonomiji u s-sistemi finanzjarji tagħha għandhom rwol importanti fis-swieq finanzjarji internazzjonali.
Malta ngħaqdet ma' grupp ta' 30 pajjiż ieħor aderenti tal-SDDS Plus. Is-settijiet ġodda tad-data saru disponibbli fit-28 ta' Lulju 2023.
Informazzjoni dettaljata dwar l-Inizjattiva tal-Istandards tad-Data tinsab fid-Dissemination Standards Bulletin Board. Għal aktar informazzjoni dwar l-aderenza ta' Malta mal-SDDS Plus, jekk jogħġobkom araw l-istqarrija għall-media tal-FMI tal-31 ta' Lulju 2023.
Ritratt: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju