News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
28/06/2023
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ġunju
L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f’Mejju, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa’ fl-istess livell bħal tax-xahar ta’ qabel, u kien ogħla mill-medja kif stmata minn Jannar 2000.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta naqas f'Mejju meta mqabbel max-xahar ta' qabel, għalkemm kien ogħla mill-medja storika tiegħu hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Xahar fuq xahar, is-sentiment naqas fis-setturi kollha, bl-akbar tnaqqis irreġistrat fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.
Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li l-aspettattivi tal-prezzijiet f'Mejju kienu ferm inqas mil-livell ta' sena ilu fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, u kemxejn inqas fl-industrija u fil-kumpaniji tas-servizzi. Min-naħa l-oħra, l-aspettattivi tal-prezzijiet fil-kostruzzjoni kienu ferm ogħla mil-livell irreġistrat f'Mejju 2022.
F'April, il-produzzjoni industrijali kibret b'ritmu aktar mgħaġġel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut żdied b'rata inqas mgħaġġla sena fuq sena, meta mqabbel ma' Marzu. F'April, ir-rata tal-qgħad irritornat għall-iktar livell storikament baxx ta' 2.8% - marġinalment inqas mir-rata ta' 2.9% rreġistrata fix-xahar ta' qabel, u minn dik ta' 3.0% rreġistrata f'April 2022.
F'April, il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali naqsu meta mqabblin mal-livelli ta' sena ilu, u anki f'termini ta' xahar fuq xahar. Min-naħa l-oħra, il-permessi maħruġa għal bini residenzjali żdiedu.
F'Mejju, in-numru ta' konvenji tela' sena fuq sena, filwaqt li naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) laħqet is-6.3% f'Mejju, inqas mir-rata ta' 6.4% rreġistrata fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) battiet għal 5.7%, minn 5.8% f'April.
F'April, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit ogħla meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif in-nefqa tal-gvern kienet ogħla miż-żieda fid-dħul.
It-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti Maltin żdied b'rata inqas mgħaġġla ta' 1.4% f'April. Sadattant, it‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir‑residenti Maltin immodera għal 4.2%.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju