News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

19/04/2023

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta f’Washington DC għal‑Laqgħat tar‑Rebbiegħa tal‑2023 tal‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑Grupp tal‑Bank Dinji u l‑Fond Monetarju Internazzjonali

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, il‑Professur Edward Scicluna, attenda l‑Laqgħat tar‑Rebbiegħa tal‑2023 tal‑Bordijiet tal‑Gvernaturi tal‑Grupp tal‑Bank Dinji (WBG) u tal‑Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) li saru bejn l‑10 u l‑16 ta’ April 2023. 

Il‑Professur Edward Scicluna attenda l‑Laqgħat tar‑Rebbiegħa tal‑2023

Dawn il-Laqgħat tar-Rebbiegħa jservu bħala pjattaforma għall-ministri għall-finanzi u l-iżvilupp, għall-gvernaturi tal-banek ċentrali, għad-diriġenti tas-settur privat, kif ukoll għall-akkademiċi biex jiddiskutu materji ta’ tħassib globali inklużi l-prospetti ekonomiċi dinjija, ix-xenarju estern, u l-isfidi għall-iżvilupp. Il‑Gvernatur Scicluna attenda l‑laqgħat tal‑Kumitat tal‑FMI, li jrawmu djalogu dwar il‑prospetti ekonomiċi, fiskali u finanzjarji globali kif ukoll l‑isfidi għas‑snin li ġejjin. 

Intervista tas-CNBC

Fil-marġini tal-Laqgħat tar-Rebbiegħa tal-FMI, il-Professur Scicluna, akkumpanjat minn Mr Alexander Demarco, id-Deputat Gvernatur għall-Politika Monetarja, iltaqa’ ma’ uffiċjali għolja tal-FMI u tal-WBG, inkluż id-Direttur Eżekuttiv tal-FMI Mr Giammusso u d-Direttur Eżekuttiv tal-Bank Dinji Mr Bugamelli. Huma ltaqgħu wkoll mad‑delegazzjoni mill-Bank Asjatiku għall-Investiment fl-Infrastruttura fejn ġew diskussi l‑inizjattivi ta’ kooperazzjoni. Saru laqgħat mal-EUR Article IV Mission tal-FMI, ippresedut minn Ishi Kitaro, il-World Bank Mission li taħdem fuq proġetti relatati ma’ Malta, u ma’ uffiċjali għolja minn aġenziji ta’ klassifikazzjoni ewlenin.

Il-Gvernatur Scicluna ġie mistieden flimkien mal-Gvernaturi tal-Bank Dinji mis-27 Stat Membru tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera għal laqgħa ministerjali ta’ livell għoli mal-kandidat nominat mill-Istati Uniti għall-President tal-Bank Dinji, Mr Ajay Banga. Il‑Gvernatur Scicluna intervjena u kien involut fid‑diskussjoni dinamika. Il-laqgħa kienet ospitata mill-Presidenza Żvediża tal-UE u ppreseduta mill-Ministru għall-Finanzi Żvediż, Ms Elisabeth Svantesson.

Il‑Professur Scicluna attenda l‑Lekċer tar-Rebbiegħa tal-Group of 30 bit-titlu “Getting to Goldilocks: Lessons From The Last Two Economic Crises”. Il-Group of 30, stabbilit fl-1978, huwa korp globali indipendenti magħmul minn mexxejja ekonomiċi u finanzjarji mis-setturi pubbliċi u privati u l-akkademja. Barra minn hekk, il‑Gvernatur ġie intervistat mis‑CNBC News dwar l‑iżviluppi fil‑politika monetarja fiż‑żona tal‑euro. Attenda wkoll għal avveniment mal-Eċċellenza Tiegħu Stavros Lambrinidis, Ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerka.

2023 Spring Meetings Logo

Lura lejn l-Arkivju