News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

27/03/2023

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel Rapport dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta llum ippubblika l‑ewwel rapport tiegħu dwar divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal‑klima tal-portafolji tal-politika mhux monetarja (NMPPs) tiegħu, hekk kif denominati f'euro u f'munita barranija.

Permezz ta' dan ir-rapport, il-Bank ifittex li juri r-riskji għal dawn il-portafolji li jirriżultaw mit-tranżizzjoni għal ekonomiji b'użu aktar baxx ta' karbonju, kif ukoll l-impatt li dawn l-investimenti qed ikollhom fuq l-ambjent.

Sabiex tiżdied it‑trasparenza, il‑Bank għażel li jippubblika kemm id‑divulgazzjonijiet obbligatorji tal‑Eurosistema kif ukoll metriċi addizzjonali sabiex itejjeb l-evalwazzjoni tiegħu tal‑profil relatat mal‑klima tal‑NMPP tagħna. F'dawn l-aħħar snin, il-Bank beda strateġija ta' diversifikazzjoni sabiex jottimizza r-redditi tiegħu aġġustati għar-riskju, filwaqt li jqis is-sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar l-investiment. Il-proporzjon tal-bonds ekoloġiċi u sostenibbli miżmuma fl-NMPP tiegħu żdied minn madwar 2% fl-2019 għal 6% fl-2022.

Għall‑ġejjieni, il‑Bank ser jimmira li jallinja l‑NMPPs tiegħu mal‑mira tal‑UE li sal‑2050 tintlaħaq in‑newtralità karbonika f'konformità mal‑Liġi Ewropea dwar il‑Klima. F'dan ir-rigward, il-Bank ser ifittex li jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex jiżgura li jsir progress gradwali lejn din il-mira ta' sostenibbiltà, filwaqt li jibqa' jqis il-miri tradizzjonali tiegħu tal-investimenti tal-preservazzjoni tal-kapital, il-likwidità u redditu.

It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-akbar theddidiet eżistenzjali għall-ekonomija globali, is-sistema finanzjarja, l-ekosistema u l-komunità. Fin-nuqqas ta' azzjoni immedjata u deċiżiva, in-numru ta' drabi ta' avvenimenti tat-temp dejjem aktar estremi ser ikollha impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku, il-kundizzjonijiet soċjali u l-bijodiversità.

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema impenjaw ruħhom li jibdew jippubblikaw id-divulgazzjonijiet finanzjarji tagħhom relatati mal-klima f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima (TCFD).

Bħala membru tan-Network for Greening the Financial System, li jgħaqqad flimkien il-banek ċentrali u s-superviżuri finanzjarji, il‑Bank ser ikompli jipparteċipa b'mod attiv fil‑laqgħat u l‑gruppi ta' ħidma tiegħu, kif ukoll fin‑network tal‑Eurosistema li jkopri r‑riskji u d-divulgazzjonijiet relatati mal‑klima. 

Lura lejn l-Arkivju