News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

01/03/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Frar

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Jannar, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika, stmata sa minn Jannar 2000.

L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta tela’ ftit f’Jannar meta mqabbel max-xahar ta’ qabel u kien ogħla mill-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, it-titjib kien fil-biċċa l-kbira xprunat mill-industrija, għalkemm is-sentiment f’dan is-settur baqa’ negattiv.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabblin ma' Diċembru 2022, l-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, iżda żdiedu fis-setturi l-oħra.

L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas f'Jannar. Dan jindika livell iżjed baxx ta' inċertezza. L-inċertezza naqset l-aktar fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u fl-industrija, bi tnaqqis iżgħar irreġistrat fis-setturi tal-kostruzzjoni u s-servizzi. B'kuntrast ma' dan, l-inċertezza fost il-konsumaturi telgħet bi ftit.

F'Diċembru, il-produzzjoni industrijali u l-volum tal-bejgħ bl-imnut żdiedu f'termini annwali.

Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 3.2% f'Diċembru, l-istess bħal fix-xahar ta' qabel u marġinalment ogħla minn sena qabel.

Il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali u dak residenzjali naqsu f'Diċembru meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Jannar, in-numru ta' konvenji tela' meta mqabbel ma' sena  qabel, filwaqt li naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 6.8% f'Jannar, tnaqqis mir-rata ta' 7.3% rreġistrata fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) niżlet ukoll. F'Jannar din kienet fil-livell ta' 6.9%, tnaqqis minn 7.4% f'Diċembru.

It-tkabbir annwali fid-depożiti ta' residenti żdied b'rata inqas mgħaġġla ta' 4.0% f'Diċembru. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti f'Malta batta wkoll għal 7.6%.

Sa Diċembru, taħt l-Iskema ta' Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta' Żvilupp (MDB), kien hemm 622 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jissarrfu f'ammont sanzjonat totali ta' €482.6 miljun.

Sadattant ġew approvati tliet faċilitajiet ta' self permezz tal-iskema ġdida ta' self issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju