News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
09/02/2023 11:15:00
Il‑Gvernatur Scicluna jindirizza grupp ta’ lekċerers mill-MCAST fil-Bank Ċentrali ta’ Malta
“Fid-dinja tal-lum, ikun tajjeb li wieħed jifhem aħjar l-effetti ekonomiċi u finanzjarji li jinfluwenzaw il-ħajja tal-persuna.” Dan intqal mill‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, il‑Professur Edward Scicluna, meta indirizza grupp ta’ lekċerers mill‑Institute of Business Management & Commerce tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) f’Binja Laparelli nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Frar 2023.

Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna waqt id-diskors tal-għeluq
Fl‑indirizz tiegħu, il‑Gvernatur qal li l‑avvanzi mgħaġġla fit‑teknoloġiji flimkien mas‑sensiela ta’ kriżijiet li laqtu liċ‑ċittadini f’dawn l‑aħħar snin wasslu għal trasformazzjoni sinifikanti tax-xenarju ekonomiku. F’dinja tant kumplessa u li qed tinbidel b’rata mgħaġġla, l-għarfien ekonomiku u finanzjarju qed isir dejjem aktar importanti speċjalment għall-ġenerazzjoni li jmiss sabiex tkun tista’ tipparteċipa b’mod effiċjenti fis-soċjetà tal-lum.

Dr Brian Micallef, Manager, Economic Research Office waqt il-preżentazzjoni tiegħu
Ir‑rimarki tal‑Gvernatur wasslu f’għeluq sensiela ta’ tliet preżentazzjonijiet minn uffiċjali għoljin mid-diversi oqsma tal‑Bank. Dr Brian Micallef ta ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol tal-Economic Division tal-Bank, filwaqt li Mr John Caruana tkellem dwar l‑irwol tal‑Bank fl‑Eurosistema u r‑Relazzjonijiet Internazzjonali. It-tielet preżentazzjoni ngħatat minn Mr Alan Cassar dwar il-mandat ta’ stabbiltà finanzjarja tal-Bank.

Mr Kevin Cassar, il-Kuratur tal-Mużew akkumpanjat mil-lekċerers waqt iż-żjara tagħhom fil-Mużew tal-Flus
Wara s‑seminar, il‑grupp mill-MCAST żar il‑Mużew tal‑Flus tal‑Bank fejn il‑lekċerers ingħataw ħarsa ġenerali lejn l‑istorja monetarja ta’ Malta mill‑kuratur tal‑Bank, Mr Kevin Cassar.

Ritratti: Veronica Sant
Lura lejn l-Arkivju