News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

09/02/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2023

Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l-ewwel ħarġa tar-Rivista tiegħu ta' kull tliet xhur għas-sena 2023. Din l-edizzjoni tanalizza fid-dettall l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it-tielet kwart tal-2022.

L-attività ekonomika matul it-tielet kwart tas‑sena baqgħet b'saħħitha, bil-PDG reali jiżdied b'5.2%, għalkemm it-tkabbir naqas meta mqabbel ma' rata għolja mhux tas-soltu ta' 9.4% fil-kwart ta' qabel. Il-moderazzjoni fit-tkabbir kienet fil-biċċa l-kbira tagħha dovuta għall-kontribuzzjoni iżgħar mid-domanda domestika, li madankollu baqgħet ogħla minn dik tal-esportazzjoni netta.

It-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kien stmat fil-livell ta' 5.5% fit-tielet kwart tal-2022, li hija rata kemxejn iktar ogħla mill-kwart ta' qabel. L-istima tal-Bank tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet ġeneralment kostanti fil-livell ta' 1.2%, li jindika livell ta' utilizzazzjoni ogħla mill-kapaċità produttiva tal‑ekonomija. Dan jirrifletti ritmu b'saħħtu fl-attività fil-kuntest ta' nuqqas ta' ħaddiema u xkiel ieħor fil-provvista tal-prodotti.

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju niżel u kien eqreb tal-medja storika tiegħu. Dan jindika li r-ritmu fl-attività ekonomika nnormalizza mir-rati eċċezzjonalment għoljin irreġistrati sena qabel meta l-ekonomija bdiet tirkupra mill-pandemija.

L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea waqa' taħt il‑medja storika tiegħu u l‑livell irreġistrat fit‑tieni kwart tas‑sena iżda xorta baqa' marġinalment ogħla minn dak fiż‑żona tal‑euro.

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Il-livelli tal-impjiegi u r-rati ta' impjieg żdiedu f'termini annwali. Sadattant, fil-livell ta' 2.9%, ir-rata tal‑qgħad baqgħet l-istess bħal dik irreġistrata fil-kwart ta' qabel, u taħt ir-rata ta' 3.3% rreġistrata sena qabel. Ir-rata tal-qgħad f'Malta baqgħet ukoll ferm taħt ir-rata medja ta' 6.6% għaż-żona tal-euro.

Iż-żieda fil-prezzijiet kompliet taċċellera matul dan il-kwart tas-sena. L-inflazzjoni annwali, kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, kienet fil-livell ta' 7.4% f'Settembru, livell ogħla mir-rata ta' 6.1% rreġistrata f'Ġunju. Żieda fl-inflazzjoni fis-servizzi kienet l-istimolu ewlieni taż-żieda fl-inflazzjoni minn Ġunju 'l hawn, għalkemm ikkontribwiet ukoll l-inflazzjoni tal-prodotti tal-ikel u ta' dawk industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti f'Malta, telgħet minn 6.2% f'Ġunju għal 7.5% f'Settembru.

Matul it-tielet kwart tal-2022, id-defiċit tal-gvern ġenerali naqas meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2021. Meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra defiċit ta' 5.5% tal-PDG, inqas mir-rata ta' 6.7% rreġistrata fit-tieni kwart tal-2022. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG naqas minn 53.9% għal 53.2% fl-aħħar ta' Settembru 2022. Is-sehem nett tal-valur finanzjarju tal-gvern fil-PDG tjieb ukoll fil-kwart kopert, filwaqt li baqa' negattiv.

Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il‑Kunsill Governattiv beda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax f'Lulju u reġa' għolliehom f'Settembru 2022. Sa tmiem it-tielet kwart, ir-rati tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, fuq il-faċilità tas-self marġinali u fuq il-faċilità ta' depożitu telgħu għal 1.25%, 1.50% u 0.75% rispettivament.

Kif imħabbar qabel, ix-xiri nett ta' assi taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) intemm mill-1 ta' Lulju 2022. Sadattant, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jkompli jinvesti mill-ġdid b'mod sħiħ il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw u li ġew mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta' żmien u sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità xierqa u pożizzjoni ta' politika monetarja adatta.

F'Lulju, il-Kunsill Governattiv approva wkoll Strument ġdid għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni sabiex jgħin fil-prevenzjoni ta' dinamika diżordinata tas-suq li tista' tkun ta' theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv aċċenna wkoll l-intenzjoni tiegħu li jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw mixtrija taħt il-programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika sa mill-inqas sal-aħħar tal-2024.

Hekk kif l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro kompliet tiżdied wara Settembru, il-Kunsill Governattiv kompla jgħolli r-rati tal-politika monetarja tal-BĊE fl-aħħar kwart tas-sena u ħabbar miżuri addizzjonali sabiex jikkomplimentaw in-normalizzazzjoni tax-xejra monetarja. B'mod partikolari, il-Kunsill irreveda t-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għat-TLTRO III mit-23 ta' Novembru 2022. Ħabbar ukoll li mill-bidu ta' Marzu 2023, l-Eurosistema mhux ser tinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali kollha minn titoli li jimmaturaw fil-portafoll tal-APP. It-tnaqqis tal-parteċipazzjonijiet tal-APP ser jammonta għal medja ta' €15-il biljun fix-xahar sa tmiem it-tieni kwart tal-2023 u r-ritmu sussegwenti tiegħu ser jiġi stabbilit matul iż-żmien.

Minbarra l-analiżi ekonomika tas-soltu, ir-Rivista tippreżenta r‑riżultati ta' studju dwar l-irwol tas-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà fl-ekonomija Maltija, inklużi l-effetti indiretti u r-rabtiet ma' setturi oħrajn. Barra minn hekk, ir-Rivista tagħti ħarsa lejn ir-relazzjoni bejn id-dħul, it-tfaddil u l-ġid bl-użu ta' data miġbura mill-Istħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal-Households tal-2017. Fl-aħħar nett, ir-Rivista tippreżenta artiklu dwar ix-xejriet u l-iżviluppi ewlenin fis-settur tal-loġistika bl-użu ta' sorsi differenti ta' data.

L-ewwel ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2023 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju