News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
30/01/2023
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Jannar
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Diċembru, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika stmata minn Jannar 2000.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta tela’ ftit f’Diċembru meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, iżda baqa’ taħt il-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Meta mqabbel max-xahar ta' qabel, it-titjib kien fil-biċċa l-kbira xprunat mis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u s-servizzi.
Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabblin ma' Novembru, l-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fis-settur tas-servizzi, iżda naqsu fis-setturi l-oħra.
L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas f'Diċembru. Dan jindika livell iżjed baxx ta' inċertezza. L-inċertezza naqset l-aktar fis-settur tas-servizzi, bi tnaqqis iżgħar irreġistrat fost il-konsumaturi u fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. B'kuntrast għal dan, l-inċertezza żdiedet fl-industrija u fis-settur tal-kostruzzjoni.
F'Novembru, il-produzzjoni industrijali u l-volum tal-bejgħ bl-imnut żdiedu f'termini annwali.
Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 3.2% f'Novembru, marġinalment ogħla minn dik irreġistrata f'Ottubru u minn dik ta' sena qabel.
Il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali u dak residenzjali żdiedu f'Novembru meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Diċembru, kemm il-konvenji u kif ukoll il-kuntratti ta' bejgħ naqsu abbażi ta' sena fuq sena, u kienu f'livell inqas f'termini ta' xahar fuq xahar.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 7.3% f'Diċembru, marġinalment ogħla mis-7.2% rreġistrata fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) żdiedet ukoll għal 7.4% f'Diċembru, minn 7.1% f'Novembru.
F'Novembru 2022, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif id-dħul tal-Gvern żdied b'ritmu iktar mgħaġġel mill-infiq.
It-tkabbir annwali fid-depożiti ta' residenti żdied b'rata iktar mgħaġġla ta' 7.0% f'Novembru. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti f'Malta batta marġinalment għal 8.0%. Sal-aħħar tax-xahar, taħt l-Iskema ta' Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta' Żvilupp (MDB), kien hemm 622 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jissarrfu f'ammont sanzjonat totali ta' €482.6 miljun. Sa Novembru ġew approvati tliet faċilitajiet ta' self permezz tal-iskema ġdida ta' self issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali, bl-ammont ta' self totali ssanzjonat jkun ta' €14.2 miljun. B'kuntrast ma' dan, l-ebda faċilità ma ġiet approvata taħt l-Iskema ta' Appoġġ Garantit ta' Likwidità (LSGS) tal-MDB imnedija b'reazzjoni għall-kriżi fl-Ukrajna.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju