News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
19/01/2023 14:15:00
Il‑Gvernatur Scicluna jilqa’ l‑Assoċjazzjoni Maltija għall‑Azzjonisti ż‑Żgħar (MASS) fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta
L-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2023, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, kellu żjara ta’ korteżija mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Azzjonisti ż-Żgħar (MASS) irrappreżentata minn Mr Alfred Portelli, Mr Alfred Farrugia u Mr Tarcisio Barbara.
Matul din il‑laqgħa, il‑Gvernatur tkellem dwar l-irwol kruċjali tal‑litteriżmu finanzjarju f'dawn iż‑żminijiet bla preċedent. Tinħass il-ħtieġa li n-nies jifhmu dak li qed jiġri fl-ekonomija u fid-dinja finanzjarja, speċjalment issa fi żminijiet ta’ inflazzjoni għolja u rati tal-imgħax li qed jogħlew. Huma dawk b’livell ogħla ta’ litteriżmu finanzjarju li għandhom inqas probabbiltà li jkunu jew isiru finanzjarjament fraġli. Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta għandu rwol partikolarment importanti u fil‑fatt joffri firxa ta' riżorsi sabiex jibni l‑għarfien tal‑pubbliku u jippromwovi fehim aħjar tal-irwol tiegħu, il-funzjonijiet u l-għanijiet tal-Bank fuq livell nazzjonali u fuq livell Ewropew bħala parti mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ). Il‑Gvernatur enfasizza l‑importanza akbar li l‑Bank qed jagħti sabiex jilħaq lill‑hekk imsejħa udjenza ‘mhux esperta’ permezz tal‑użu kemm jista’ jkun tal‑lingwa mhux teknika, tal-għodod viżivi, u tal‑użu tal‑midja soċjali.

Mr Alfred Portelli, il-President tal-MASS, elabora fuq l-għan ewlieni ta' din l-assoċjazzjoni, li huwa dak li jkabbar il-litteriżmu finanzjarju fost il-komunità tal-investituri fil-livell tal-konsumatur u kif l-Assoċjazzjoni taqdi dan l-irwol prinċipalment billi torganizza konferenzi pubbliċi fejn professjonisti f’fergħat differenti tas-suq finanzjarju jagħtu lekċers dwar l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom lill-pubbliku ġenerali. II-MASS hija membru tal-Federazzjoni Ewropea tal-Investituri u l-Utenti tas-Servizzi Finanzjarji (Better Finance).
Il‑Gvernatur kien akkumpanjat mid‑Deputati Gvernaturi Mr Alexander Demarco u Mr Oliver Bonello.
Il‑laqgħa saret fl‑uffiċċju tal‑Gvernatur fil‑binja prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta fil‑Belt Valletta.

Mix-Xellug: Id-Deputat Gvernatur Alexander Demarco, Mr Tarcisio Barbara, Mr Alfred Portelli,
il-Gvernatur Edward Scicluna, Mr Alfred Farrugia u d-Deputat Gvernatur Oliver Bonello
Lura lejn l-Arkivju