News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

27/05/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Mejju

L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal April jindika li r-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali jibqa' ogħla mill-medja storika, għalkemm qiegħda tinnormalizza f'livelli iżjed baxxi mix-xhur ta' qabel.

L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta naqas f'April meta mqabbel ma' xahar qabel u kien taħt il-livell ta' sena ilu. Madankollu baqa' f'livell ogħla mill-medja storika tiegħu. Meta mqabbla ma' Marzu, il-fiduċja ddgħajfet fis-settur tas-servizzi u, f'livell inqas fost il-bejjiegħa, filwaqt li saret negattiva fl-industrija. B'kuntrast, kien hemm titjib fis-sentiment fost il-konsumaturi u fil-kostruzzjoni.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabbel ma' Marzu, proporzjon iżgħar ta' azjendi fis-setturi tas-servizzi u tal-bejgħ bl-imnut, kif ukoll il-konsumaturi stennew li l-prezzijiet ser jiżdiedu fix-xhur li ġejjin. Dawk fil-kostruzzjoni stennew żieda fil-prezzijiet, b'kuntrast ma' stennija ta' prezzijiet iżjed baxxi xahar qabel. Il-proporzjon ta' azjendi fl-industrija li qed jistennew żidiet fil-prezzijiet laħaq livell rekord.

L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas meta mqabbel ma' Marzu u jindika tnaqqis fl-inċertezza. Dan it-tnaqqis fl-inċertezza kien xprunat l-aktar minn żviluppi fl-industrija u, f'livell inqas, fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut.

F'Marzu, il-produzzjoni industrijali reġgħet naqset f'termini annwali, għalkemm b'rata annwali inqas mgħaġġla meta mqabbla ma' Frar. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'ritmu aktar mgħaġġel minn qabel.

Ir-rata tal-qgħad niżlet marġinalment mir-rata rreġistrata fix-xahar ta' qabel u baqgħet ferm taħt dik irreġistrata sena qabel.

F'April, l-għadd ta' kuntratti ta' bejgħ u konvenji għal proprjetà residenzjali naqas meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel. Kemm il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali u kif ukoll dawk għal bini residenzjali żdiedu sew f'Marzu meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet ta' 5.4% f'April, żieda minn 4.5% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet ukoll, għal 5.7% f'April minn 4.4% xahar qabel.

F'Marzu 2022, id-defiċit tal-Fond Konsolidat żdied meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif l-infiq żdied b'rata iktar mgħaġġla mid-dħul.

It-tkabbir annwali fid-depożiti u l-kreditu tar-residenti baqa' b'saħħtu f'Marzu, fil-livelli ta' 10.1% u 7.7%, rispettivament. Sal-aħħar tax-xahar, 640 faċilità ġew approvati u għadhom pendenti f'termini tal-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondu għal ammont totali ta' €489.3 miljun.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju