News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
18/05/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tieni ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2022
Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t-tieni ħarġa tar-Rivista tiegħu ta' kull tliet xhur għas-sena 2022. Din il-ħarġa tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul ir-raba' kwart tal-2021.
Fir-raba' kwart tal-2021, l-attività ekonomika kompliet tirkupra mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. It-tkabbir baqa' b'saħħtu, hekk kif il-prodott domestiku gross (PDG) reali żdied b'10.0% fuq l-istess perjodu sena qabel. Sal-aħħar tas-sena, il-PDG kien ftit ogħla mil-livell irreġistrat qabel il-pandemija.
It-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kien ta' 4.3% fir-raba' kwart tal-2021, żieda mir-rata ta' tkabbir ta' 3.8% fil-kwart ta' qabel. L-istima tal-Bank tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali naqset, għalkemm baqgħet negattiva. Dan jindika li għalkemm il-kapaċità produttiva tal-ekonomija għadha mhix utilizzata kollha, l-attività qed tinnormalizza gradwalment.
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju kien f'livell ogħla mil-livell storiku tiegħu minħabba żidiet qawwija f'diversi sottokomponenti tal-indiċi fuq ir-raba' kwart tal-2020, meta l-biċċa l-kbira tal-indikaturi ekonomiċi kienu mrażżna minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea niżel bi ftit mil-livell irreġistrat fit-tielet kwart iżda baqa' ogħla mill-medja storika tiegħu u mil-livell ta' qabel il-pandemija. Dan jista' jirrifletti l-livell kemxejn aktar baxx ta' restrizzjonijiet tal-COVID-19 meta mqabbel mal-2020, kif ukoll żieda fir-rati ta' tilqim miksuba fit-tieni nofs tas-sena.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. L-impjiegi baqgħu f'livell ogħla mil-livelli ta' qabel il-pandemija filwaqt li r-rati ta' attività komplew jogħlew. Ir-rata tal-qgħad kompliet tinżel għal 3.2% minn 3.6% fil-kwart preċedenti, iżda ferm taħt ir-rata ta' 4.4% irreġistrata sena qabel. Ir-rata tal-qgħad f'Malta kienet ukoll ferm taħt ir-rata medja ta' 7.4% għaż-żona tal-euro.
L-inflazzjoni rpiljat matul il-kwart kopert. Ir-rata annwali ta' tibdil fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet 2.6% f'Diċembru, ferm ogħla minn 0.7% osservata f'Settembru. Il-komponenti kollha minbarra l-prezzijiet tal-enerġija rreġistraw tkabbir aktar mgħaġġel, għalkemm l-inflazzjoni fis-servizzi kienet ir-raġuni ewlenija għaż-żieda fl-inflazzjoni. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti f'Malta, telgħet għal 2.6% f'Diċembru minn 2.2% f'Settembru.
Matul ir-raba' kwart tal-2021, id-defiċit tal-gvern ġenerali żdied meta mqabbel ma' dak irreġistrat fil-perjodu korrispondenti tal-2020. Meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, id-defiċit tal-gvern ġenerali laħaq it-8.0% tal-PDG fl-2021, kemxejn inqas minn 9.5% rreġistrata fl-2020. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG tela' għal 57.0% minn 53.4% fl-aħħar tal-2020. Is-sehem nett tal-valur finanzjarju tal-gvern fil-PDG iddeterjora fil-kwart kopert.
Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kunsill Governattiv żamm ix-xejra akkomodattiva tal-politika monetarja matul ir-raba' kwart tal-2021. Ir-rati ewlenin tal-politika monetarja tal-BĊE baqgħu l-istess f'livelli baxxi. F'Diċembru, il-Kunsill Governattiv iddikjara li l-progress fl-irkupru ekonomiku u hekk kif l-għan tal-inflazzjoni fuq żmien medju ġie milħuq, dawn ippermettew tnaqqis gradwali fir-ritmu tax-xiri tal-assi matul it-trimestri li ġejjin. Fil-fatt, il-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza Pandemika (PEPP) intemm f'Marzu 2022 u r-ritmu tax-xiri nett taħt il-Programm ta' Xiri ta' Assi (APP) naqas fit-tieni kwart ta' din is-sena. Fl-istess ħin, il-Kunsill iddikjara li fuq il-bażi tal-prospetti tal-inflazzjoni, ix-xiri nett taħt l-APP jista' jintemm fit-tielet kwart tal-2022, u li kwalunkwe żidiet fir-rati tal-imgħax iseħħu xi żmien wara t-tmiem tax-xiri nett taħt dan il-programm u jkunu gradwali.
Ir-Rivista tippreżenta studju li jiddeskrivi l-miżuri applikati mill-Gvern Malti b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi. Ir-Rivista tinkludi wkoll analiżi tal-evoluzzjoni tal-politika tas-suq tax-xogħol f'Malta. Ir-Rivista tippreżenta wkoll studju tal-qafas ta' governanza f'Malta bl-użu ta' żewġ sorsi ta' data differenti. Barra minn hekk, tanalizza r-riżultati tal-Istħarriġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-Investiment u l-Finanzjament tal-Investiment għal Malta.
It-tieni ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2022 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju