News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
28/03/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Marzu
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal Frar jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali jibqa' ogħla mill-medja storika, għalkemm naqas mil-livelli għoljin irreġistrati fl-ewwel nofs tal-2021.
L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta żdied fi Frar meta mqabbel max-xahar ta' qabel. Dan kien f'livell ferm ogħla minn ta' sena ilu u ferm ogħla wkoll mill-medja storika. Meta mqabbla ma' Diċembru, il-fiduċja tjiebet fis-setturi kollha minbarra fis-settur tal-kostruzzjoni, fejn is-sentiment batta iżda baqa' pożittiv.
L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied meta mqabbel ma' Jannar. Inċertezza aktar għolja kienet xprunata l-aktar minn żviluppi fl-industrija u, fuq livell inqas, fis-settur tal-kostruzzjoni u fost il-konsumaturi. B'kuntrast ma' dan, l-indikatur naqas bi ftit fost il-bejjiegħa u, fuq livell inqas, fis-settur tas-servizzi.
F'Jannar, il-produzzjoni industrijali naqset għalkemm b'rata annwali inqas mgħaġġla meta mqabbla ma' Diċembru. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'ritmu aktar mgħaġġel minn qabel.
Ir-rata tal-qgħad niżlet għal 3.1% f'Jannar - marġinalment inqas mir-rata rreġistrata fix-xahar ta' qabel u ferm taħt il-livell irreġistrat qabel il-pandemija.
Fi Frar, l-għadd ta' kuntratti ta' bejgħ ta' proprjetà residenzjali żdied filwaqt li l-għadd ta' konvenji naqas fuq bażi annwali. Kemm il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali u kif ukoll dawk għal bini residenzjali żdiedu f'Jannar meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet fil-livell ta' 4.2% fi Frar, marġinalment ogħla minn 4.1% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 4.2% fi Frar minn 3.9% fix-xahar ta' qabel.
Id-defiċit tal-Fond Konsolidat f'Jannar 2022 naqas b'mod sinifikanti meta mqabbel ma' sena qabel, l-aktar minħabba ż-żmien li fih saru ċerti spejjeż, iżda jirrifletti wkoll dħul ogħla mit-taxxa.
It‑tkabbir annwali fid‑depożiti u l‑kreditu tar‑residenti baqa' b'saħħtu f'Jannar, fil‑livelli ta' 9.7% u 8.1%, rispettivament. Sal-aħħar tax-xahar, 653 faċilità kienu ngħataw f'termini tal-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondu għal ammont totali sanzjonat ta' €505.5 miljun, jew 65.0% tal-mira tal-iskema.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju