News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

16/03/2022

Tnedija tal-Pjan Strateġiku Korporattiv tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Fl-14 ta' Marzu 2022, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) nieda l‑Pjan Strateġiku Korporattiv tiegħu waqt laqgħa virtwali għall‑impjegati kollha. Waqt din il-laqgħa, l-impjegati ġew indirizzati mill-Gvernatur Edward Scicluna, mid-Deputati Gvernaturi Alexander Demarco u Oliver Bonello, u miċ-Chief Operating Officer Daniele Romano.

Tnedija tal-Pjan Strateġiku Korporattiv tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Il-Bank ikkonferma l-għanijiet strateġiċi u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tiegħu, identifika u ta prijorità l-portafoll tiegħu tal-proġetti, u assigura relazzjoni diretta bejn l-għanijiet strateġiċi tal-Bank u l-kontribut meħtieġ minn kull impjegat/a.

Il-Pjan ser ikompli jiffoka dwar l-istrateġija tat-trasformazzjoni diġitali tal-Bank u jenfasizza l-importanza tal-inklussività u l-ugwaljanza. Ser tkompli ssir enfasi kbira fuq it-tnaqqis fl-impatt ekoloġiku tal-Bank.

Il-Pjan Strateġiku Korporattiv, li ġie kkonfermat permezz ta' proċess komprensiv bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tal-maniġment, jiġbor l-għanijiet strateġiċi tal-Bank fi tmien elementi fundamentali:

1.    Jiżgura kontribut attiv għas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, jappoġġja l-għan ewlieni tagħha tal-istabbiltà fil-prezzijiet, filwaqt li jipparteċipa fil-fora u l-avvenimenti tagħha.

2.    Irawwem stabbiltà finanzjarja permezz tat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur finanzjarju domestiku.

3.    Jiżgura t-tħaddim ta' sistema ta' pagamenti bla xkiel u provvista sigura ta' flus kontanti.

4.    Ikompli jkun ta' referenza għall-analiżi ekonomika u finanzjarja, ir-riċerka u l-istatistika f'Malta.

5.    Itejjeb il-qligħ fuq l-assi finanzjarji taħt il-maniġġ tagħna.

6.    Itejjeb il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji u s-sigurtà, speċjalment sabiex titħares bis-sħiħ l-integrità tas-sistemi.

7.    Iżomm governanza interna b'saħħitha, f'konformità sħiħa mal-liġi.

8.    Isaħħaħ b'mod ġenerali l-effiċjenza u l-effettività, filwaqt li jippromwovi b'mod attiv il-kuxjenza ambjentali, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-inklussività u d-diversità.

L-impjegati tal‑Bank kellhom l‑opportunità li jiddiskutu l-Pjan Strateġiku Korporattiv mal‑Gvernatur, mad‑Deputati Gvernaturi u mal-maniġment.

Il-Professur Edward Scicluna, Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta
Il-Professur Edward Scicluna, Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta

Mr Alexander Demarco, Deputat Gvernatur
Mr Alexander Demarco, Deputat Gvernatur

Mr Oliver Bonello, Deputat Gvernatur
Mr Oliver Bonello, Deputat Gvernatur

Mr Daniele Romano, Chief Operating Officer
Mr Daniele Romano, Chief Operating Officer

Ritratti: Periklis Chatzigiannis

Lura lejn l-Arkivju