News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
04/03/2022
Webinar dwar l-għoxrin sena tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro
Matul l-2022 l-Eurosistema qed tiċċelebra l-għoxrin sena mill-ħruġ fiċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro. Bħala membru fl‑Eurosistema, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (Bank) qed ifakkar dan l‑avveniment importanti fl‑istorja tal‑integrazzjoni Ewropea. Bħala parti mill‑attivitajiet, il‑Bank qed jorganizza webinar dwar din it-tema fis‑17 ta' Marzu 2022 fis-14:30.
Il-ftuħ tal-webinar ser isir mill‑Gvernatur tal‑Bank, il‑Professur Edward Scicluna. Ms Elaine Lenzo, Uffiċjal Għoli fi ħdan il-Currency Operations Office tal-Bank, ser titkellem dwar il-vantaġġi tal-flus kontanti tal-euro u x'hemm fil-ġejjieni għall-munita unika. Mr John Caruana, il-Kap tal‑Monetary Policy, Eurosystem & International Relations Department tal‑Bank, ser jitkellem dwar il‑politika monetarja fiż‑żona tal‑euro sa mill‑1999. Id-diskors ewlieni ser isir minn Mr Gilles Noblet, Konsulent Prinċipali fid-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Ewropej, fi ħdan il-Bank Ċentrali Ewropew. Id-diskors tiegħu ser janalizza l-irwol internazzjonali tal-euro.
Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas u miftuħa għall-pubbliku. Ser ikun hemm ħin għall-mistoqsijiet fi tmiem il-webinar. Ir-reġistrazzjoni onlajn hija meħtieġa fuq is-sit elettroniku tal-Bank jew billi tintbagħat email.

Lura lejn l-Arkivju