News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

03/03/2022

Il-Gvernatur fil-Eurofi u f’Laqgħat Informali u tal-ECOFIN

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, kien parti minn panel fil-Eurofi High Level Seminar tal-2022 li sar f'Pariġi bejn it-23 u l-25 ta' Frar 2022. Is-suġġett tas-sessjoni ta' filgħodu li saret fil-25 ta' Frar kien dwar l-aħjar politika biex jiġu mmaniġġjati t-tkabbir u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea b'dejn pubbliku eċċessiv.

Iċ-chairperson ta' din is-sessjoni kienet Madam Sylvie Goulard, Deputat Gvernatur tal-Banque de France filwaqt li Mr Jacques de Larosière, eks President tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali, flimkien ma' Mr Lucio Pench, Direttur għall-Politika Fiskali fid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fil-Kummissjoni Ewropea u l-Professur Claudia M. Buch, Viċi-President tad-Deutsche Bundesbank, kienu l-kelliema l-oħra.

Il-Eurofi huwa "think-tank" ewlieni Ewropew iddedikat għas-servizzi finanzjarji. Dan il-grupp inħoloq fis-sena 2000 bil-għan li jikkontribwixxi għat-tisħiħ u l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji Ewropej.

Fil-25 ta' Frar 2022, bħala parti mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Bruno Le Maire, Ministru għall-Ekonomija, Finanzi u Rkupru, flimkien mal-Gvernatur tal-Banque de France, ospitaw laqgħa informali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) f'Pariġi.

Għal-laqgħa attendew il-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-UE, is-27 Gvernatur tal-banek ċentrali nazzjonali, inkluż il-Professur Scicluna Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde, il-Viċi-President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Valdis Dombrovskis, u l-Kummissarji Ewropej Paolo Gentiloni u Mairead McGuinness.

Il-Gvernatur kien akkumpanjat ukoll minn Mr Alexander Demarco, Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Il-Gvernatur Scicluna mal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-Greċja, tas-Slovenja u l-Finlandja
Il-Gvernatur Scicluna mal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-Greċja, tas-Slovenja u l-Finlandja
(Ritratt: Banque de France - Philippe Jolivel)

Lura lejn l-Arkivju