News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

25/01/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Jannar

L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju juri li f'Diċembru r-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqset xi ftit mil-livelli għoljin riċenti, iżda madankollu baqgħet b'saħħitha minn perspettiva storika hekk kif l-attività ekonomika kompliet tirkupra mil-livelli baxxi rreġistrati fl-2020.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li f'Diċembru s-sentiment batta meta mqabbel max-xahar ta' qabel, iżda baqa' ferm ogħla mil-livell irreġistrat sena qabel u ftit biss taħt il-medja storika. Meta mqabbla ma' Novembru, il-fiduċja naqset fis-setturi kollha barra fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Din l-edizzjoni tal-Aġġornament Ekonomiku tirrapporta għall-ewwel darba dwar żviluppi fl-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea. Dan żdied meta mqabbel ma' Novembru. Iż-żieda fl-inċertezza ogħla kienet xprunata l-aktar minn żviluppi fis-setturi tal-industrija, tal-bejgħ bl-imnut u tas-servizzi. Il-konsumaturi komplew jirrappurtaw li huma kapaċi jbassru s-sitwazzjoni finanzjarja futura tagħhom mingħajr diffikultà, għalkemm in-numru ta' dawk li qalu hekk kien inqas minn dak ta' Novembru. L-inċertezza naqset fis-settur tal-kostruzzjoni.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern għall-COVID-19 - indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, miżuri ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa li daħlu fis-seħħ b'reazzjoni għall-pandemija - żdiedet f'Diċembru meta mqabbla max-xahar ta' qabel iżda kienet taħt l-istima rrappurtata fiż-żona tal-euro.

F'Novembru, il-produzzjoni industrijali naqset fuq bażi annwali għar-raba' xahar konsekuttiv. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'ritmu aktar mgħaġġel.

Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess fil-livell ta' 3.5% meta mqabbla ma' Ottubru, iżda baqgħet taħt il-livell irreġistrat qabel il-pandemija.

F'Diċembru, kemm l-għadd ta' kuntratti ta' bejgħ ta' proprjetà residenzjali u kif ukoll l-għadd ta' konvenji żdiedu b'rata qawwija fuq bażi annwali. Dawn kienu wkoll ogħla mill-ammonti ta' Diċembru 2019.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.4% f'Novembru minn 1.4% f'Ottubru, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet għal 2.4% minn 2.3% rreġistrata xahar qabel.

L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll data dwar rikors għall-moratorju fuq ħlasijiet lura ta' self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti ta' Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Is-self lil kumpaniji soġġett għal moratorju baqa' limitat ħafna fl-aħħar ta' Novembru. Dan kien jammonta għal €27.3 miljun, jew 0.2% biss tas-self pendenti. Dan jirrifletti rkupru fid-dħul u l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji għall-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji. Sal-aħħar tax-xahar, 653 faċilità għal skopijiet ta' kapital tax-xogħol u ta' ħlas lura tas-self kienu ngħataw lin-negozji milquta mill-pandemija taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondi għal ammont totali sanzjonat ta' €507.3 miljun, jew 65.2% tal-mira tal-iskema.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju