News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
11/08/2021
Is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali jikseb punteġġ għoli għall-aċċessibbiltà
Is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta ngħata punteġġ għoli għall-aċċessibbiltà mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA), l-entità responsabbli biex tiżgura li r-regolamenti rilevanti tal-UE jiġu segwiti mill-korpi tas-settur pubbliku.
Il-leġiżlazzjoni lokali dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi għal kulħadd daħlet fis-seħħ f'Mejju 2019, li tittrasponi d-Direttiva tal-UE 2016/2102, bl-MCA tikkonsulta mal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà għat-Teknoloġija tal-Informatika u mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità biex tiżgura li din tuża l-għodod it-tajbin meta tevalwa lill-korpi tas-settur pubbliku.
L-MCA wettqet reviżjoni tas-sit elettroniku tal-Bank f'Ottubru 2020, u sabet li l-maġġoranza tas-sit kienet diġà konformi. Il-Bank kien impenjat bis-sħiħ li jtejjeb il-punteġġ tiegħu, u taħt il-gwida tar-regolatur nieda diversi proġetti biex itejjeb l-aċċessibbiltà fis-sit elettroniku kollu.
Il-biċċa l-kbira tal-bidliet meħtieġa kellhom l-għan li jagħmlu s-sit aktar faċli għal dawk bi sfidi viżwali, pereżempju, billi jitjieb il-kuntrast tal-kulur u l-għodod ta' navigazzjoni.
Dan il-proġett huwa parti minn reviżjoni kontinwa tas-sit elettroniku, li tejbet il-mappa tas-sit u għamlitha aktar faċli għall-viżitaturi biex isibu kontenut b'mod aktar intuwittiv, kif ukoll titjib fl-estetika.
Il-Gvernatur Edward Scicluna qal: "Il-mandat tal-Bank jaffettwa kull taqsima tas-soċjetà u aħna tajna l-prijorità ewlenija lil dan il-proġett peress li nemmnu li huwa importanti li l-informazzjoni dwar l-operat tiegħu tkun aċċessibbli għall-akbar numru ta' nies possibbli. Il-pass li jmiss huwa li ngħinu lill-pubbliku jsir aktar litterat finanzjarjament sabiex dan il-proġett isir verament sinifikanti".

Lura lejn l-Arkivju