News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

28/06/2021

Il-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali Mediterranji jiddiskutu l-irkupru wara l-COVID-19

Il‑Gvernaturi tal‑Banek Ċentrali minn għaxar pajjżi fil‑Mediterran li jiffurmaw id-Djalogu Mediterranju tal‑Punent għandhom jestendu l-irwol tagħhom bl-inklużjoni ta' ministri għall-finanzi fil‑laqgħat intergovernattivi tagħhom fil-futur, qal il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta l-Prof. Edward Scicluna.

Huwa kien qed jirreferi għad-diversi sfidi li qed jiffaċċja r-reġjun tal-Mediterran, u għamel enfasi partikolari fuq l-importanza tat-tibdil fil-klima li qed tiġi inkluża fil-funzjonijiet tal-banek ċentrali, u għall-inklużjoni finanzjarja biex jiġi żgurat aċċess ekwu għas-servizzi finanzjarji fost il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi involuti.

"Il-banek ċentrali għandhom rwol limitat, sa ċertu punt, biex jgħinu lill-gvernijiet jittrattaw materji dwar tibdil fil-klima u l-inklużjoni soċjali. Madankollu, għandhom l-għarfien espert u r-riżorsi u jista' jkollhom rwol importanti biex jinstabu soluzzjonijiet", qal il-Gvernatur.

Hu rrefera wkoll għall-importanza tal-kooperazzjoni fost dawn il-partijiet interessati fir-rigward tal-lobbying għall-attirar ta' finanzjament minn istituzzjonijiet ta' livell għoli bħall-banek għall-iżvilupp, inklużi l-Bank Dinji, il-BERŻ, il-BEI u l-FMI, li ser tkun meħtieġa biex jiġi żgurat irkupru wara l-pandemija fir-reġjun.

Il-Prof. Scicluna kien qed jitkellem waqt Konferenza tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali Mediterranji bit-titlu "Central Banks at the Frontline of the COVID-19 Crisis: Weathering the Storm, Spurring the Recovery". Il-konferenza onlajn ġiet organizzat mill-Banco de España, il-Bank Ċentrali tat-Tuneżija, l-OECD u l-Istitut Ewropew tal-Mediterran.

Kien wieħed minn grupp ta' kelliema li ddiskuta l-pjan direzzjonali tal-banek ċentrali biex jippromwovi rkupru sostenibbli ta' wara l-COVID-19 fir-reġjun. Il-banek ċentrali jistgħu jikkontribwixxu lejn aġenda sostenibbli, inklussiva, ekoloġika u diġitali fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Filwaqt li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' stabbilizzazzjoni makroekonomika u finanzjarja, il-politiki tagħhom ser jaċċelleraw ukoll it-tranżizzjonijiet ta' sostenibbiltà billi jtejbu l-finanzi ekoloġiċi u jidderieġu l-kreditu lejn investimenti sostenibbli.

Id-diskors ewlieni ġie ppreżentat minn Fabio Panetta, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, li ta ħarsa ġenerali lejn il-politiki monetarji madwar ir-reġjun tal-Mediterran.

Il-Bankiera Ċentrali Ewropej preżenti għall-konferenza kienu minn Spanja, il-Portugall, l-Italja, il-Greċja u Malta. Il-Bankiera Ċentrali mill-Afrika ta' Fuq inkludew l-Eġittu, il-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk. Uffiċjali għoljin mill-OECD, l-Unjoni tal-Mediterran u l-Istitut Ewropew tal-Mediterran tkellmu wkoll waqt il-konferenza. 

Tista' tara l-video hawn.

Il-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali Mediterranji jiddiskutu l-irkupru wara l-COVID-19

Lura lejn l-Arkivju