News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
31/05/2021
Lekċer dwar il-Bibljoteka organizzata mill-Bank Ċentrali ta’ Malta
Fi ftit ġimgħat oħra, il-Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita numiżmatika tal-fidda li turi l-Bibljoteka, li llum tospita l-Librerija Nazzjonali ta' Malta, u sabiex ifakkar l-okkażjoni l-Bank ser jorganizza lekċer pubblika dwar l-istorja tagħha.
Dan il‑bini, li jinsab fil‑qalba tal‑Belt Valletta, kien wieħed mill‑aħħar binjiet li nbnew mill‑Ordni ta' San Ġwann f'Malta u tlesta fl‑1796, 225 sena ilu.
Il-Bibljoteka ikonika għandha storja rikka, mhux biss fir-rigward tal-arkitettura tagħha iżda wkoll minħabba li għandha kollezzjonijiet tant varjati u estensivi. F'din il-lekċer, il-professur assoċjat William Zammit mill-Università ta' Malta ser jitkellem dwar dawn iż-żewġ aspetti u ser jiddeskrivi l-iżvilupp storiku ta' dak li kellu jsir il-librerija nazzjonali tal-gżira u r-rabtiet profondi u kumplessi tagħha mal-iżviluppi kulturali Maltin u Ewropej.
Iż-żamma tal-ikbar ġabra ta' xogħlijiet ippubblikati fil-gżejjer Maltin, il-Biblijoteka hija wkoll ir-repożitorju ta', fost l-oħrajn, wieħed mill-aktar arkivji sinifikanti fuq livell Ewropew, jiġifieri dak tal-Ordni Ospitallier u Militari tal-Kavallieri ta' San Ġwann.
Il-Prof. Zammit, li għandu Ph.D fl-Istorja, mexxa d-Department of Library Information and Archive Sciences fl-Università ta' Malta għal aktar minn għaxar snin u bħalissa huwa involut f'għadd ta' proġetti ta' riċerka. L-oqsma ewlenin ta' interess akkademiku tiegħu jinkludu l-mekkaniżmi ta' komunikazzjoni moderna bikrija, l-istorja tal-istampar, iċ-ċensura u forom oħra ta' kontroll kif ukoll il-kontroll bibljografiku tal-Melitensja.
Il-lekċer bit-titlu "An Architectural Jewel Box: Commemorating the 225th Anniversary of the completion of Malta's Bibliotheca", ser issir onlajn fuq TEAMS fl-14 ta' Ġunju fil-11am. Il-webinar ser ikun disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta ftit jiem wara għal dawk li ma jistgħux isegwuh b'mod dirett.
Dawk li jixtiequ jattendu huma ġentilment mitluba jirreġistraw permezz tas-sit elettroniku jew jibagħtu email lil publicrelations@centralbankmalta.org, sabiex qrib id-data tal-lekċer tintbagħtilhom stedina fuq TEAMS bil-link għall-webinar. Ser ikun hemm ħin limitat għal mistoqsijiet u tweġibiet wara l-preżentazzjoni.
Għal aktar tagħrif dwar ħruġ ta' muniti ppjanati għall-2021, żur hawn.



Photos: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju