News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
21/05/2021
Ippubblikat studju dwar is-sodisfazzjon tal-ħajja - The determinants of well-being: Results from the European quality of life survey
Analiżi minn stħarriġ pan-Ewropew ikkonfermat li d-dħul huwa konsiderazzjoni ewlenija fir-rigward ta' kemm aħna sodisfatti b'ħajjitna, partikolarment minħabba li probabbilment jaffettwa fatturi oħra, bħall-kwalità tal-akkomodazzjoni, irrapporta l-Bank Ċentrali ta' Malta.
Ir-riżultati tal-istudju jenfasizzaw il-ħtieġa kontinwa għal inizjattivi li jtejbu l-prospetti tal-impjieg tan-nies u konsegwentement jgħinuhom itejbu d-dħul tagħhom, il-Bank jinnota.
L-istudju ġie ppubblikat fl-edizzjoni riċenti tar-Rivista ta' kull tliet xhur tal-Bank, it-tieni edizzjoni għall-2021.
Analiżi tad-data mill-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja (EQLS), li sar fl-2011 u ġie ripetut fl-2016 madwar il-pajjiżi Ewropej, inkluża Malta, sabet li d-dħul, is-saħħa, il-parteċipazzjoni f'attivitajiet reliġjużi u sportivi, il-kwalità tal-akkomodazzjoni u l-fiduċja fil-gvern nazzjonali kollha għandhom rwoli importanti fis-sodisfazzjon tal-ħajja. Il-kapital uman u r-relazzjonijiet familjari kienu wkoll assoċjati b'mod pożittiv ma' livelli ogħla ta' sodisfazzjon tal-ħajja, filwaqt li - kif mistenni - il-qgħad kien relatat b'mod negattiv.
L-għaxar pajjiżi kkunsidrati f'dan l-istudju huma l-Istati Membri li l-livell tal-PDG reali per capita tagħhom fl-2016 kien mill-inqas 10% ogħla mil-livell rispettiv tal-2011.
Dawk li wieġbu ġew mistoqsija: "Meta tikkonsidra kollox, kemm tgħid li inti sodisfatt/a b'ħajtek dawn il-jiem?". Fuq skala ta' 1 (mhu sodisfatt/a xejn) sa 10 (sodisfatt/a ħafna), is-sodisfazzjon medju għall-ħajja fl-2011 kien ta' 6.53 filwaqt li l-valur korrispondenti fl-2016 kien ta' 6.52.
Fis-sentejn imsemmija (2011 u 2016), madwar 40% rrappurtaw livell ta' tmienja jew aktar, ftit aktar minn 20% irrappurtaw sodisfazzjon fuq il-ħajja ta' tmienja, nofshom irrappurtaw livell li jvarja bejn erbgħa u sebgħa, u l-10% l-oħra rrappurtaw livell ta' tlieta jew inqas fiż-żmien tal-istħarriġ.
Id-dħul tal-households xorta kellu rwol sinifikanti fid-determinazzjoni tas-sodisfazzjon tal-ħajja fl-2016, iżda tilef xi ftit mill-importanza tiegħu: fl-2011, żieda ta' 1% fid-dħul (meta mqabbel mal-medjan tal-pajjiż) kienet assoċjata ma' żieda ta' 6% fil-probabbiltà li persuna tirraporta livell għoli ta' sodisfazzjon tal-ħajja, iżda dan l-effett naqas għal 3% fl-2016.
Kien hemm rabta pożittiva bejn is-sodisfazzjon tal-ħajja u l-involviment frekwenti f'servizzi reliġjużi u l-isport fis-sentejn imsemmija, li żdiedet minn 6% fl-2011 għal 9% fl-2016 għal tal-ewwel, u minn 5% fl-2011 għal 9% fl-2016 għal tal-aħħar.
Dawk ir-rispondenti li ma kellhomx problemi ta' akkomodazzjoni fl-2016 kienu 11% aktar probabbli li jirrappurtaw livell għoli ta' sodisfazzjon tal-ħajja. L-importanza tal-kwalità tal-ambjent lokali tilfet l-impatt tagħha b'mod sinifikanti bejn iż-żewġ waves tal-istħarriġ filwaqt li r-relazzjoni pożittiva bejn il-fiduċja fil-gvern u s-sodisfazzjon tal-ħajja baqgħet ġeneralment stabbli.
Kif mistenni, il-probabbiltà li jiġi rrapputat livell għoli ta' sodisfazzjon tal-ħajja kienet aktar baxxa fost dawk li jbatu minn mard kroniku u dawk qiegħda. Min-naħa l-oħra, il-pussess ta' livell terzjarju ta' edukazzjoni u l-preżenza ta' sieħeb/sieħba fil-household instabu li kienu konsistentement ta' benefiċċju għall-kwalità tal-ħajja, b'effetti aktar evidenti li dehru fl-2016, meta mqabbla mal-2011.
L-istħarriġ sab ukoll li s-sodisfazzjon tal-ħajja niżel f'nofs il-ħajja. Il-fatt li wieħed jgħix f'żoni rurali u li jkollu t-tfal ma żied l-ebda valur, u l-ġeneru ma kellu l-ebda impatt fuq is-sodisfazzjon tal-ħajja.
Minkejja diversi twissijiet, is-sejbiet ewlenin ta' dan l-istudju għandhom implikazzjonijiet importanti għal dawk li jfasslu l-politika li huma maħsuba biex itejbu l-kwalità tal-ħajja individwali.
"L-ewwel nett, l-irwol tad-dħul fl-ispjegazzjoni tal-kwalità tal-ħajja individwali m'għandux jitnaqqas. Id-dħul jibqa' fattur ewlieni fih innifsu. Dan x'aktarx jaffettwa wkoll fatturi oħra, bħall-kwalità tal-akkomodazzjoni, li min-naħa l-oħra hija importanti wkoll għall-kwalità tal-ħajja individwali. Għal dan il-għan, inizjattivi bħat-tagħlim tul il-ħajja li huma mfassla biex jgħinu lill-individwi biex ikomplu jsegwu aktar edukazzjoni, itejbu l-prospetti ta' impjieg tagħhom u konsegwentement iċaqilqu l-iskala tad-dħul tagħhom jistgħu jikkontribwixxu għal sodisfazzjon ogħla tal-ħajja," l-istudju jinnota.
Madankollu, minbarra dan, is-sejbiet ta' dan l-istudju jindikaw li l-individwi wkoll jagħtu valur lill-involviment tagħhom f'attivitajiet li jgħinuhom jiffaċilitaw l-interazzjonijiet soċjali, bħal avvenimenti reliġjużi u sport. Għalhekk, inizjattivi bħall-promozzjoni ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa u politiki li jipprovdu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż l-għoti ta' kundizzjonijiet ta' impjieg flessibbli, jistgħu jgħinu ħafna biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-individwi.

Lura lejn l-Arkivju