News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

20/05/2021

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 5/2021

Il-biċċa l-kbira tad-data rrappurtata f'din il-ħarġa tal-Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Marzu 2021 u ma tirriflettix it-tnaqqis parzjali tal-miżuri ta' trażżin relatati mal-COVID-19 minn April. Madankollu, l-aħħar data għall-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta' Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju u l-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 jirreferu għal April 2021.

F'April, l-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tjieb b'mod sinifikanti meta mqabbel max-xahar ta' qabel. Dan jindika li l-attività ekonomika bdiet tirkupra, iżda l-livelli ta' attività għadhom dgħajfa meta mqabbla mal-livelli ta' qabel il-pandemija.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 - li huwa indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, ekonomiċi u oħrajn relatati mas-saħħa li ġew introdotti b'reazzjoni għall-pandemija - naqset għal 73.8 sal-aħħar ta' April 2021 minn 76.7 xahar qabel iżda baqgħet f'livell ogħla mill-istima ta' 70.1 irrappurtata fiż-żona tal-euro. Dan it-tnaqqis jirrifletti l-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi u diversi negozji mhux essenzjali.

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tela' għal 117.3 f'April, l-ogħla livell irreġistrat sa minn Jannar 2018. L-indiċi kien ukoll ogħla mill-medja storika tiegħu għall-ewwel darba sa mill-bidu tal-pandemija. F'April, il-fiduċja saret pożittiva fl-industrija, fis-setturi tal-kostruzzjoni u tas-servizzi kif ukoll fost il-konsumaturi. Madankollu, is-sentiment naqas b'mod sinifikanti - u baqa' negattiv - fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

F'Marzu, il-produzzjoni industrijali u l-volum tal-bejgħ bl-imnut naqsu b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbla max-xahar ta' qabel. L-għadd ta' permessi maħruġa għal bini kummerċjali mill-Awtorità tal-Ippjanar żdied sew wara żieda żgħira fix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-permessi maħruġa għal bini residenzjali naqsu b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbla ma' Frar.

Din l-edizzjoni tinkludi wkoll għall-ewwel darba data dwar tranżazzjonijiet ta' proprjetajiet residenzjali. Dawn juru li f'April l-għadd ta' kuntratti u konvenji żdiedu sew fuq bażi annwali. Din iż-żieda qawwija tirrifletti l-effetti tat-tnaqqis esperjenzat is-sena l-oħra matul il-lockdown parzjali, kif ukoll skemi tal-gvern maħsuba biex jappoġġjaw is-suq tal-proprjetà.

L-għadd ta' nies fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas meta mqabbel ma' Frar, filwaqt li r-rata tal-qgħad niżlet bi ftit mix-xahar ta' qabel.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur baqgħet l-istess fil-livell ta' 0.1% f'Marzu filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 0.4%.

L-Aġġornament jinkludi wkoll data dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura tas-self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti f'Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta' Marzu kompla jonqos għal €416.6-il miljun, ekwivalenti għal 3.5% tas-self pendenti. Dan jissuġġerixxi rkupru fid-dħul u, għal xi wħud, l-iskadenza tal-perjodi tal-moratorji. Sal-aħħar ta' Marzu 2021, ġew approvati 576 faċilità ġdida taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, għal skopijiet ta' kapital operattiv lil negozji milquta mill-pandemija, li jkopru total ta' self sanzjonat li jammonta għal €439.6 miljun, jew 56.5% tal-mira tal-iskema.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn

Lura lejn l-Arkivju