News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
14/05/2021
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-iktar edizzjoni riċenti tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur
Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t-tieni ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għas-sena 2021, li tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul ir-raba' trimestru tal-2020. L-informazzjoni ppreżentata tirrifletti l-ftuħ mill-ġdid tal-biċċa l-kbira tal-ħwienet, għalkemm xi miżuri ta' trażżin li jillimitaw l-attività fis-setturi tal-ospitalità u d-divertiment baqgħu fis-seħħ.
L-attività ekonomika tjiebet fl-aħħar trimestru tas-sena meta mqabbla mat-trimestru ta' qabel. Il-PDG reali naqas b'6.2% f'termini annwali fir-raba trimestru tal-2020 - rata ta' tnaqqis iżgħar minn dik esperjenzata fit-tielet trimestru - meta l-PDG kien naqas b'rata annwali ta' 8.8%. It-tnaqqis ekonomiku fl-aħħar trimestru tal-2020 kien primarjament dovut għal tnaqqis qawwi fl-esportazzjoni netta, hekk kif id-domanda domestika naqset bi ftit. Data settorjali turi li t-tnaqqis kien primarjament xprunat mis-settur tas-servizzi minħabba l-fatt li l-attività relatata mat-turiżmu baqgħet relattivament baxxa, għalkemm kien hemm titjib meta mqabbla mat-tielet trimestru. L-attività naqset ukoll fis-setturi tal-manifattura u l-kostruzzjoni, għalkemm l-impatt negattiv fuq il-PDG kien ħafna iżgħar.
It-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kompla jimmodera matul ir-raba' trimestru tal-2020 u niżel għal 0.1% minn 0.5% fit-trimestru ta' qabel. Minħabba li d-domanda kienet aktar baxxa mill-produzzjoni potenzjali, id-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali mxiet f'territorju aktar negattiv.
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tjieb marġinalment matul it-trimestru kopert, iżda baqa' f'livell ferm taħt il-medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea żdied bi ftit iżda baqa' baxx minn perspettiva storika hekk kif il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tkun ta' piż fuq il-fiduċja tal-konsumaturi u n-negozji matul it-trimestru.
Matul l-aħħar trimestru tal‑2020, is-suq tax-xogħol kompla jiġi affettwat mill-pandemija b'mod negattiv, għalkemm tjieb meta mqabbel mat-tielet trimestru. Skont l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, l-impjiegi żdiedu meta mqabbla mat-tielet trimestru tal-2020, iżda kienu taħt il-livell tas-sena ta' qabel. Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 4.4%, ftit inqas mir-rata ta' 4.6% rreġistrata fit-tielet trimestru, iżda f'livell ogħla mir-rata ta' 3.5% rreġistrata sena qabel. Madankollu, ir-rata tal-qgħad f'Malta baqgħet ferm taħt ir-rata medja ta' 8.0% għaż-żona tal-euro. Dan jirrifletti l-miżuri tal-gvern - bħall-Iskema tas-Suppliment tal-Pagi kif ukoll id-dipendenza tal-kumpaniji fuq arranġamenti iqsar ta' ħinijiet tax-xogħol - li rnexxielhom jipproteġu l-impjiegi.
L-inflazzjoni baqgħet baxxa matul it‑trimestru. L-inflazzjoni annwali mkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur niżlet għal 0.2% f'Diċembru, minn 0.5% f'Settembru, xprunata minn rata' iktar b'saħħitha ta' tnaqqis fil-prezzijiet ta' prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal-enerġija u minn tkabbir inqas mgħaġġel fil-prezzijiet tal-ikel u s-servizzi. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti f'Malta, baqgħet dik ta' 0.2%, l-istess rata bħal f'Settembru.
Matul ir-raba' trimestru tal-2020, il-finanzi tal-gvern ġenerali komplew jiġu affettwati b'mod negattiv mill-COVID-19. Il-bilanċ tal-gvern ġenerali ddeterjora b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu korrispondenti sena qabel. Meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra defiċit ta' 10.1% tal-PDG, meta mqabbel ma' defiċit ta' 7.0% tal-PDG fit-tielet trimestru tal-2020. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG żdied għal 54.3% minn 52.6% fl-aħħar ta' Settembru. Hekk kif l-istokk tal-assi finanzjarji naqas b'rata' aktar mgħaġġla mill-obbligazzjonijiet finanzjarji, iddeterjora s-sehem tal-valur finanzjarju nett fil-PDG. Minkejja dan l-iżvilupp, kompla jitqabbel b'mod favorevoli mal-medja taż-żona tal-euro.
Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kunsill Governattiv saħħaħ ix-xejra akkomodattiva tiegħu tal-politika monetarja matul l-aħħar trimestru tal-2020, parzjalment permezz ta' żieda ta' €500 biljun fil-pakkett massimu tal-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza Pandemika (PEPP), għal €1,850 biljun. Il-Kunsill ikkalibra mill-ġdid ukoll il-parametri tal-operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament fuq żmien twil u ħabbar tliet operazzjonijiet addizzjonali fl-2021. Il-Kunsill ħabbar ukoll erba' operazzjonijiet ta' rifinanzjament addizzjonali ta' emerġenza pandemika għal żmien itwal għal din is-sena.
Sadattant, il-Kunsill Governattiv afferma mill-ġdid l-impenji preċedenti tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax tal-BĊE u l-Programm ta' Xiri ta' Assi.
Ir-Rivista tinkludi wkoll analiżi tal-iżviluppi settorjali fl-ekonomija Maltija bejn l-2000 u l-2020 u tippreżenta sett aġġornat ta' multipliers tal-industrija għall-ekonomija Maltija abbażi ta' tabella input-output għall-2015. Barra dan, ir-Rivista tiddeskrivi l-kundizzjonijiet ta' likwidità fis-sistema bankarja Maltija u l-operazzjonijiet tal-politika monetarja mmexxija mill-Bank Ċentrali ta' Malta bejn Jannar 2020 u Jannar 2021. Minbarra dan, ir-Rivista tanalizza settijiet ta' data mill-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja sabiex jiġu ttraċċati l-bidliet fl-importanza ta' diversi fatturi li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja f'perjodu ta' tkabbir ekonomiku.
L-iktar edizzjoni riċenti tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2021 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank.

Lura lejn l-Arkivju