News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

21/04/2021

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 4/2021

Il-biċċa l-kbira tad-data rrappurtata f'din il-ħarġa tal-Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Frar 2021, u għalhekk ma tirriflettix iż-żieda fil-miżuri ta' trażżin f'Marzu. Madankollu, l-aħħar data għall-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta' Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju u l-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 jirreferu għal Marzu 2021.

F'Marzu, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta' Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tjieb meta mqabbel max-xahar ta' qabel. L-indiċi baqa' marġinalment taħt il-livell tiegħu fl-istess xahar tal-2020 u kompla jindika livelli baxxi ta' attività minħabba x-xenarju ekonomiku dgħajjef ikkawżat mill-COVID-19.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 - li huwa indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, ekonomiċi u oħrajn relatati mas-saħħa li ġew introdotti b'reazzjoni għall-pandemija - telgħet għal 76.7 fl-aħħar ta' Marzu 2021 minn 64.2 xahar qabel, u kienet f'livell ogħla mill-istima ta' 71.5 rrapportata fiż-żona tal-euro. Din iż-żieda tirrifletti l-introduzzjoni ta' diversi miżuri ta' trażżin matul ix-xahar.

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea laħaq il-95.0 f'Marzu, l-ogħla livell irreġistrat fl-aħħar sitt xhur. Minkejja ż-żieda reċenti, l-Indikatur baqa' taħt il-medja storika tiegħu. Il-fiduċja żdiedet fl-industrija u wkoll, għalkemm b'inqas, fost il-bejjiegħa. B'kuntrast ma' dan, il-fiduċja ddeterjorat fis-settur tas-servizzi u fost il-konsumaturi, filwaqt li b'mod ġenerali baqgħet l-istess fis-settur tal-kostruzzjoni. Għalkemm l-iżviluppi reċenti varjaw bejn is-setturi, is-sentiment kien negattiv f'kull wieħed minnhom.

Fi Frar, il-produzzjoni industrijali u l-volum tal-bejgħ bl-imnut naqsu b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbla max-xahar ta' qabel. L-għadd ta' permessi maħruġa għal bini kummerċjali żdied wara tnaqqis fix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-permessi maħruġa għal bini residenzjali naqsu iżda b'rata annwali inqas mgħaġġla minn dik fix-xahar ta' qabel.

L-għadd ta' nies fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas meta mqabbel ma' Jannar, filwaqt li r-rata tal-qgħad baqgħet l-istess bħal dik irreġistrata fix-xahar ta' qabel.

L-inflazzjoni baqgħet baxxa ħafna fi Frar, bir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur tinżel bi ftit għal 0.1%, filwaqt li dik ibbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut tkun fil-livell ta' 0.2%.

L-Aġġornament jirrapporta wkoll dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura tas-self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti f'Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta' Frar kompla jonqos għal €656.9 miljun, ekwivalenti għal 5.5% tas-self pendenti. Dan jissuġġerixxi li xi negozji u households komplew bil-ħlasijiet lura tagħhom tas-self. Sal-aħħar ta' Frar 2021, ġew approvati 558 faċilità taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, għal skopijiet ta' kapital operattiv, lil negozji milquta mill-pandemija, li jkopru total ta' self sanzjonat li jammonta għal €420.1 miljun, jew madwar 54% tal-mira tal-iskema.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju