News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
14/04/2021
Il-Kundizzjonijiet għall-finanzjament għan-negozji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) jibqgħu akkomodattivi
Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzjament tal-SMEs, irrappurtat fir-Rapport Annwali għas-sena 2020 tal-Bank Ċentrali ta' Malta, juri li d-dħul u l-profitti tal-SMEs f'Malta u fl-UE kienu "affettwati serjament mill-attività ekonomika negattiva, anki jekk il-kundizzjonijiet għall-finanzjament kienu ġeneralment akkomodattivi".
Minkejja dan, 59% tal-SMEs domestiċi rrappurtaw li ma applikawx għal self mill-banek, filwaqt li ftit aktar min-nofs qalu li ma applikawx għal prodotti oħra relatati mal-banek, jiġifieri linji ta' kreditu, overdrafts bankarji jew kards tal-kreditu peress li kellhom biżżejjed fondi interni. B'kuntrast għal dan, madwar terz biss tal-kumpaniji fl-UE waqgħu f'din il-kategorija.
Il-kumpaniji Maltin ħadu wkoll inqas self mill-banek meta mqabbel mal-2019 (tnaqqis minn 16% għal 12%) filwaqt li kienet irreġistrata żieda fl-UE (minn 15% għal 18% tal-kumpaniji kollha).
L-Istħarriġ dwar l-Aċċess tal-Intrapriżi għall-Fondi (SAFE) sar f'Settembru/Ottubru 2020, f'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew.
L-istħarriġ iħares ukoll lejn id-dipendenza tal-SMEs fuq forom differenti ta' finanzjament, u jipprovdi paragun interessanti bejn ix-xejriet f'Malta u fl-UE kollha kemm hi. Pereżempju, proporzjon iżgħar ta' SMEs f'Malta rrikorrew għal linji ta' kreditu u overdrafts is-sena l-oħra, tnaqqis minn 50% fl-2019 għal 41% fl-2020 - iżda dan xorta kien ferm ogħla mill-proporzjon ta' terz fl-UE.
Il-proporzjon tal-SMEs domestiċi li jużaw il-kreditu kummerċjali wkoll naqas is-sena l-oħra (minn 38% għal 32%), minkejja li dan is-sors ta' finanzjament sar aktar rilevanti, li jista' jirrifletti rieda aktar baxxa li jiġi pprovdut dan it-tip ta' finanzjament mill-imsieħba kummerċjali rilevanti.
Madankollu, l-użu ta' kreditu kummerċjali baqa' ħafna ogħla minn dak f'pajjiżi oħra tal-UE, hekk kif fil-livell ta' 32%, Malta qiegħda fit-tielet post wara l-Irlanda (46%) u l-Polonja (33%).
Kien hemm ukoll tnaqqis sinifikanti fil-perċentwal ta' SMEs li użaw il-qligħ miżmum jew id-dħul mill-bejgħ ta' assi. Dan it-tnaqqis kien irreġistrat għal sentejn konsekuttivi, fejn fl-2018 il-perċentwal ta' dawn SMEs kien fil-livell ta' 33% u niżel għal 25% fl-2019 u għal 17% fl-2020.
Ftit aktar minn nofs il-kumpaniji domestiċi rrappurtaw li l-finanzjament estern intuża għall-inventarju u l-kapital operattiv, filwaqt li madwar għoxrin fil-mija tal-kumpaniji rrappurtaw li użaw fondi bħal dawn għal kapital fiss. Għoxrin fil-mija tal-kumpaniji rrappurtaw li użaw finanzjament estern għal prodotti ġodda. B'mod ġenerali, id-dipendenza fuq il-finanzjament estern għall-inventarju u l-kapital operattiv żdiedet mill-2019, filwaqt li s-self għal investiment fiss u prodotti ġodda ġie kkwotat inqas frekwenti. Is-self għat-tfittix u għat-taħriġ tal-impjegati naqas ukoll meta mqabbel mal-istħarriġ preċedenti.
L-istħarriġ indika li, b'mod ġenerali, il-kumpaniji Maltin irrappurtaw tnaqqis fl-investiment fiss fl-2020, bidla qawwija mis-sena ta' qabel, meta l-perċentwal nett ta' 35% ta' dawk li wieġbu kienu rrappurtaw żieda.
Investiment fiss kopert mill-istħarriġ jinkludi investimenti fi proprjetà, impjanti u tagħmir.
L-istħarriġ ta ħarsa wkoll lejn il-problemi li l-SMEs iqisu li huma l-aktar urġenti għalihom, bil-kategorija li tinkludi l-pandemija tal-COVID-19 ikkwotata minn aktar minn terz ta' dawk domestiċi bħala l-akbar sfida fl-2020, żieda sinifikanti mil-livell ta' 7% rreġistrat sena qabel. Il-kategorija tinkludi firxa wiesgħa ta' problemi, mit-taxxi u d-dħul mill-operat, għall-instabbiltà politika u l-Brexit.
Din ix-xejra dehret madwar l-UE, bl-istħarriġ jiżvela li kieku l-pandemija kellha tkun f'kategorija għaliha, kienet tkun ikkwotata bħala t-tielet l-aktar problema urġenti tal-intrapriżi fl-UE.
L-aċċess għall-finanzjament kien fost l-inqas ostakli urġenti. Kif wieħed jista' jistenna, f'perjodu ta' domanda baxxa, il-problema ta' nuqqas ta' ħiliet, li qabel kienet urġenti, iddgħajfet konsiderevolment, għalkemm baqgħet it-tielet l-akbar problema għall-kumpaniji Maltin.
Lura lejn l-Arkivju