News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

05/03/2021

Ftehim kollettiv ġdid fil-Bank Ċentrali li jibni fuq kisbiet tal-passat

Fl-4 ta’ Marzu, il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Union Ħaddiema Bank Ċentrali ffirmaw Ftehim Kollettiv ġdid li jkopri l-perjodu 2020-2023.

“Aħna lkoll kburin li – minkejja ż-żminijiet diffiċli tal-pandemija – intlaħaq ftehim. Nixtieq nesprimi l-gratitudni sinċiera tiegħi lejn il-membri tal-UĦBĊ u r-rappreżentanti tagħhom flimkien ma’ uffiċjali għolja mill-Bank għal din il-kisba”, qal il-Gvernatur tal-Bank Edward Scicluna.

Il-ftehim ikompli jibni fuq il-kisbiet miksuba fil-passat, jiżgura bilanċ bejn il-ħtieġa kontinwa għal aktar effettività, effiċjenza u kwalità biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Bank f’konformità mal-irwol tiegħu fi ħdan l-Eurosistema, u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għall-impjegati.

“L-union tilqa’ l-ftehim għaliex jipprovdi stabbiltà u ċertezza fi żmien meta dawn huma l-aktar apprezzati mill-impjegati, tant li l-maġġoranza tagħhom ivvutaw favur. Matul is-snin li ġejjin ser inkomplu niddiskutu mal-Bank għal iktar irfinar,” qal ir-rappreżentant tal-Union Anthony Portelli.

Il-Bank ser ikompli jikkollabora mal-UĦBĊ dwar modi kif itejjeb il-prattiki tax-xogħol għall-impjegati tiegħu.

Il-Bank jibqa’ impenjat li jattira u jżomm l-aħjar impjegati. Minbarra rimunerazzjonijiet kompetittivi u kundizzjonijiet eċċellenti ta’ xogħol, il-Bank joffri wkoll opportunitajiet għal avvanz fil-karriera u kif ukoll sapport lill-impjegati biex ikomplu l-istudji akkademiċi tagħhom kemm lokalment u kif ukoll barra minn Malta. Sabiex jgħin fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-Bank joffri wkoll arranġamenti flessibbli ta’ xogħol.

Il-Bank huwa impjegatur ta’ opportunitajiet indaqs u tejjeb b’mod regolari l-bilanċ tiegħu bejn is-sessi: 41.6% tad-diriġenti tiegħu issa huma nisa. Dsatax-il impjegat issa jirrappreżentaw 10 nazzjonalitajiet barranin.

Ftehim Kollettiv 2020-2023

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Gvernatur Edward Scicluna u s-segretarju tal-union Anthony Portelli fil-preżenza (bilwieqfa, mix-xellug) tal-maniġer tal-HR Amante Farrugia, id-Deputati Gvernaturi Oliver Bonello u Sandro Demarco, iċ-Chief Officer għall-HR Paul Farrugia u s-segretarju finanzjarju tal-union Rodney Zammit.

Lura lejn l-Arkivju