News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

11/02/2021

Studju mill-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-potenzjal ta’ Malta għat-teleworking

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta għamel studju dwar it-teleworking u sab li fl-2019, qabel il-pandemija, il-perċentwal ta’ xogħol mid-dar seta’ kien 3.8 punti perċentwali ogħla.

Fl-2019 fiż-żmien ta’ qabel il-pandemija, 11.7% tal-ħaddiema għamlu parti mix-xogħol tagħhom, jew kollu, mid-dar, fl-istess żmien li kien hemm żieda fl-impjiegi fost in-nisa u t-tkabbir sostanzjali fl-impjiegi fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata. Madankollu, studju tal-Bank Ċentrali jistma li sa 15.5% tax-xogħol f’Malta seta’ jsir barra l-post tax-xogħol.

Matul l-ewwel fażi tal-pandemija tal-COVID-19, il-perċentwal tela’ għal 33% f’Marzu u April 2020. Dan għadu taħt iċ-ċifra għall-UE, fejn f’Lulju, 48% tal-impjegati rrapportaw li kienu ħadmu mid-dar tal-inqas għal perjodu qasir ta’ żmien.

Ir-riċerka tal-Bank – ippubblikata fir-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur – tat stima ta’ kemm tista’ titla’ ċ-ċifra għal Malta, filwaqt li qieset diversi fatturi inkluża l-kompożizzjoni settorjali tal-pajjiż. 

F’xenarju bbażat fuq l-impjiegi li jeħtieġu interazzjoni minima, jekk mhux xejn, ma’ oħrajn, u għalhekk jitqiesu relattivament faċli biex jitwettqu permezz tat-teleworking, 15.5% tal-impjiegi f’Malta jistgħu jsiru lil hinn mill-post tax-xogħol.

Meta wieħed iżid attivitajiet li huma inqas prattiċi li jsiru permezz tat-teleworking, iżda li xorta jista' jkun possibbli li jsiru lil hinn mill-post tax-xogħol, ftit aktar minn 23% tal-impjiegi kollha f’Malta jirriżultaw li potenzjalment jistgħu jsiru permezz tat-teleworking.

Fit-tielet xenarju, il-Bank ta ħarsa lejn l-impjiegi li huma meqjusa inqas probabbli li jitwettqu mid-dar f’ċirkostanzi normali – jew minħabba li jeħtieġu element sinifikanti ta’ interazzjoni umana jew minħabba l-użu ta’ makkinarji. Madankollu, kif muri matul il-pandemija tal-COVID-19, jista’ jkun li, f’ċirkostanzi straordinarji, ikunu jistgħu jsiru lil hinn mill-post tax-xogħol. Dan irriżulta f’ċifra ta’ 33.8%, jekk l-edukazzjoni kienet inkluża, u 24.8% jekk ma kinitx inkluża.

Għalkemm l-edukazzjoni saret mid-dar matul il-pandemija, fi żminijiet normali tista’ tiġi kkunsidrata bħala inqas effettiva u produttiva mit-tagħlim fil-klassi.

Iċ-ċifra ta’ 33.8% stmata fit-tielet xenarju hija b’mod ġenerali konformi mal-proporzjon tal-ħaddiema li kienu qed jaħdmu mid-dar matul il-ġimgħat bikrin tal-pandemija tal-COVID-19 f’Malta.

Għar-rapport sħiħ, irreferi għar-Rivista ta’ kull tliet xhur li tinsab hawn

Teleworking

Lura lejn l-Arkivju