News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

03/02/2021

L-‘Eroj tal-Pandemija’ inklużi fi programm ta’ muniti numiżmatiċi għall-2021

Il-Programm ta' Muniti Numiżmatiċi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta għall‑2021 jinkludi edizzjoni speċjali ta' coin card li tfakkar lill-'Eroj tal-Pandemija'.

Bħal fis-snin ta' qabel, il-programm ta' muniti joffri firxa ta' prodotti għall-kolletturi kollha. Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, il-programm ta' din is-sena jinkludi wkoll edizzjoni limitata ta' munita tad-deheb ta' valur għoli li tiżen uqija.

Il-programm ta' muniti għall-2021 jinkludi l-prodotti li ġejjin:

  • Munita tad-deheb u l-fidda li tfakkar il-550 sena mit-twelid ta' Albrecht Dürer. Dürer twieled f'Nüremberg fl-1471. Hu kien artist prolifiku u versatili u kif ukoll figura dominanti fl-arti Rinaxximentali Ewropea. Dürer hu probabbilment l-aktar magħruf għax-xogħlijiet tiegħu tal-istampar, forma ta' arti li hu għolla għal livelli għoljin. L-arti ta' Dürer tista' tiġi apprezzata f'diversi mużewijiet madwar id-dinja u s-suġġett tal-munita ta' Malta se jkun wieħed mix-xogħlijiet ta' Dürer li jinsabu fil-kollezzjonijiet tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina f'Malta. Dawn il-muniti huma mistennija li joħorġu f'April 2021.
  • Munita numiżmatika tal-fidda li turi l-Bibljoteka ikonika, fejn illum hemm il-Librerija Nazzjonali ta' Malta. Dan il‑bini grandjuż, li jinsab fil-qalba tal-Belt Valletta - u wieħed mill-aħħar binjiet li nbnew mill-Ordni ta' San Ġwann f'Malta - tlesta fl-1796, 225 sena ilu. Din il-munita hi mistennija li toħroġ f'Ġunju 2021.
  • Munita kommemorattiva taż-€2 li tfakkar lill-'eroj' l-iktar esposti għall-COVID-19. Il-munita ser tinħareġ biss individwalment f'coin cards. Dawn huma mistennija li joħorġu f'Ġunju 2021.
  • Sett ta' muniti tal-euro, datat 2021, li jikkonsisti fit-tmien muniti tal-euro Maltin fiċ-ċirkolazzjoni flimkien ma' munita kommemorattiva taż-€2 li turi t-Tempji ta' Ħal Tarxien. Dan is-sett hu mistenni li joħroġ f'Ottubru 2021.
  • Munita kommemorattiva taż-€2 li turi t-Tempji ta' Ħal Tarxien. Din il-munita ser tkun is-sitt waħda minn serje ta' seba' muniti li juru strutturi preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill-UNESCO. Il-munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Il-muniti huma mistennija li joħorġu f'Ottubru 2021.
  • Munita tal-fidda li tfakkar il-mitt sena mill-kostituzzjoni tal-1921 li tat tmexxija awtonoma lil Malta. Dan kien avveniment importanti ħafna għal Malta tul it-triq mimlija ostakli lejn l-indipendenza politika mill-Gran Brittanja. Il-kostituzzjoni tal-1921 parzjalment tat gvern responsabbli lill-Maltin u rat ukoll it-twaqqif tal-ewwel parlament ta' Malta. Dan l-avveniment storiku importanti ser jiġi mfakkar ukoll b'edizzjoni limitata speċjali ta' munita tad-deheb li tiżen uqija. Din il-munita hija esklussivament limitata għall-platinum package holders. Jekk jogħġbok irreferi għas-sit elettroniku tal-Malta Coin Centre għad-dettalji dwar dan il-pakkett. Iż-żewġ muniti huma mistennija li joħorġu f'Novembru 2021.

Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7. Il-muniti jistgħu jinxtraw ukoll mill-e-shop.

Verżjoni diġitali tal-programm ta' muniti tinsab ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju