News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019

15/11/2019 14:28:00

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – ir-Raba’ Ħarġa tal-2019

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika r‑raba’ ħarġa tar‑Rivista ta’ kull tliet xhur għas‑sena 2019, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra minn Malta matul it‑tieni trimestru tal‑2019. Ir‑Rivista tinkludi analiżi tal‑istokk tal‑kapital pubbliku ta’ Malta u tiddiskuti l‑benefiċċji makroekonomiċi marbuta mat‑tnaqqis fid‑differenza bejn il‑kapital fis‑settur pubbliku Malti u l‑medja tal‑Unjoni Ewropea. Ir‑Rivista tinkludi wkoll sommarju ta’ studju dwar id‑distribuzzjoni tad‑dħul u l‑ġid ibbażat fuq data tal‑Istħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑Households, u dwar l‑iżviluppi riċenti fin‑numru u l‑kompożizzjoni ta’ ħaddiema barranin.

Fir‑rigward tal‑aħħar żviluppi ekonomiċi, ir‑Rivista tinnota li r‑ritmu fl‑attività ekonomika batta matul it‑tieni trimestru tal‑2019, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla’ b’4.0% fuq bażi annwali, wara żieda ta’ 5.4% fit‑trimestru preċedenti. Il‑moderazzjoni fir‑rata tat‑tkabbir kienet xprunata minn espansjoni aktar dgħajfa fid‑domanda domestika, hekk kif il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta sar pożittiv. Madankollu, it‑tkabbir ekonomiku kien erba’ darbiet iktar minn dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.

Fit‑tieni trimestru tal‑2019, it‑tkabbir potenzjali niżel bi ftit għal 5.1% minn 5.2% fl‑ewwel trimestru, iżda baqa’ għoli minn perspettiva storika. Id‑differenza pożittiva bejn il‑produzzjoni reali u dik potenzjali, imkejla bħala moving average fuq erba’ trimestri, naqset matul it‑tieni kwart ta’ din is‑sena u baqgħet ferm aktar baxxa mil‑livelli rreġistrati fl‑2015 u l‑2016.

Sadattant, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (BCI) naqas meta mqabbel mat‑trimestru preċedenti. Madankollu, l‑Indiċi kompla jindika kundizzjonijiet ekonomiċi ogħla mill‑medja, li b’mod ġenerali kienu simili għal dawk prevalenti fl‑aħħar sentejn.

Is‑suq tax‑xogħol baqa’ b’saħħtu, hekk kif l‑impjiegi żdiedu b’rata mgħaġġla u r‑rata tal‑qgħad kompliet tonqos. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad kienet fil‑livell ta’ 3.4% fit‑tieni trimestru tal‑2019, inqas mir‑rata ta’ 3.5% rreġistrata fit‑trimestru preċedenti u inqas mir‑rata ta’ 3.7% rreġistrata sena qabel. Dan jirrifletti parzjalment il‑pass qawwi tal‑espansjoni ekonomika u t‑tqabbil aħjar tal‑impjiegi fil‑kuntest ta’ ekonomija b’saħħitha.

L‑inflazzjoni annwali mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) aċċellerat għal 1.8% f’Ġunju minn 1.3% f'Marzu, primarjament minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fil‑prezzijiet għas‑servizzi u l‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija. Sadattant, l‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li tqis biss l‑infiq mir‑residenti f'Malta, baqgħet l‑istess fil‑livell ta’ 1.9%. B’kuntrast, l‑inflazzjoni prinċipali, li teskludi l‑aktar komponenti volatili tal‑indiċi HICP kienet 1.3% f’Ġunju. Id‑differenza bejn dan il‑kejl u r‑rata globali tissuġġerixxi li l‑inflazzjoni globali hija parzjalment sostnuta minn żidiet qawwija fil‑prezzijiet ta’ għadd żgħir ta’ oġġetti konsumabbli.

L‑inflazzjoni fl‑ispejjeż tal‑produtturi, imkejla skont l‑indiċi tal‑prezzijiet tal‑produtturi industrijali, kompliet tbatti matul it‑tieni trimestru għal 1.6% f’Ġunju minn 2.4% f’Marzu. L‑indiċi tal‑ispiża għal kull unità tax‑xogħol ta’ Malta, imkejjel bħala moving average fuq erba’ trimestri, żdied ukoll b’ritmu inqas mgħaġġel. Wara tnaqqis fl‑ewwel trimestru, l‑Indikaturi Armonizzati tal‑Kompetittività ta’ Malta reġgħu bdew jiżdiedu, sinjal ta’ deterjorament fil‑kompetittività internazzjonali ta’ Malta.

Il‑bilanċ pożittiv fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti żdied meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2018, prinċipalment minħabba żieda fid‑dħul nett mis‑servizzi u tnaqqis fl‑iżbilanċ fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba’ trimestri, il‑bilanċ tal‑kont kurrenti kien ekwivalenti għal 9.8% tal‑PDG. Għalhekk baqa’ taħt il‑miżura aġġustata għaċ‑ċiklu ekonomiku, li l‑Bank jistma li laħqet il‑11.6%. Dan jindika li l‑bilanċ favorevoli fil‑kont kurrenti ta’ Malta primarjament jirrifletti fatturi strutturali.

Il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali naqas meta mqabbel mal‑istess perjodu sena qabel, hekk kif żieda sostanzjali fl‑infiq primarju għelbet żieda fid‑dħul. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba’ trimestri, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali naqas għal 1.0% tal‑PDG minn 1.8% fl‑ewwel trimestru tal‑2019. Sadattant, id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG naqas għal 45.7% fl‑aħħar ta’ Ġunju. Madankollu, il‑valur nett tal‑Gvern naqas, hekk kif żieda konsiderevoli fl‑istokk ta’ assi finanzjarji miżmuma mill‑gvern kienet megħluba minn żieda akbar fl‑obbligazzjonijiet finanzjarji.

Id‑depożiti tar‑residenti Maltin ma’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f’Malta komplew jiżdiedu b’pass qawwi matul it‑tieni trimestru tal‑2019. It‑tkabbir fis‑self kompla jirpilja, u jirrifletti ritorn għal tkabbir pożittiv fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali u tkabbir kontinwu qawwi fil‑kreditu lil residenti oħrajn. Is‑self lill‑households għal xiri tad‑djar żdied b’ritmu aktar mgħaġġel, filwaqt li s‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji baqa’ b’saħħtu. Skont l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet Finanzjarji (FCI), il‑kundizzjonijiet għall‑finanzjament kienu marġinalment stretti minn perspettiva storika, b’kuntrast mal‑kundizzjonijiet b’mod ġenerali newtrali fl‑ewwel trimestru tal‑2019.

Ir‑Rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn l‑aħħar deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul it‑tieni trimestru tal‑2019, il‑Kunsill kompla bix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Ir‑rati tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, il‑faċilità tas‑self marġinali u l‑faċilità ta’ depożitu baqgħu fil‑livelli ta’ 0.00%, 0.25% u ‑0.40%, rispettivament. F’Ġunju, il‑Kunsill ħabbar li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE huma mistennija jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom tal‑inqas sal‑ewwel nofs tal‑2020 u fi kwalunke każ sakemm ikun meħtieġ sabiex jiżgura l‑konverġenza tal‑inflazzjoni sostnuta b’mod kontinwu f’livelli taħt, iżda qrib, it‑2% fuq iż‑żmien medju. Sussegwentement (fit‑12 ta’ Settembru), il‑Kunsill Governattiv naqqas ir‑rata tal‑imgħax fuq il‑faċilità ta’ depożitu b’għaxar punti bażi għal ‑0.50%. Il‑Kunsill iddikjara wkoll li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE huma mistennija li jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom jew f’livelli aktar baxxi sakemm jara li l‑prospetti tal‑inflazzjoni jikkonverġu b’mod b’saħħtu f’livell li huwa qrib biżżejjed, iżda taħt it‑2% fil‑perjodu tiegħu tat‑tbassir, u din il‑konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid‑dinamika tal‑inflazzjoni sottostanti.

Matul it‑tieni trimestru tal‑2019, il‑Kunsill aċċenna l‑intenzjoni tiegħu li jinvesti mill‑ġdid u b’mod sħiħ il‑pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw taħt il‑programm ta’ xiri ta’ assi (APP) għal perjodu estiż ta’ żmien wara d‑data meta l‑BĊE jibda jgħolli r‑rati ewlenin tal‑imgħax, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ sabiex iżomm kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell għoli ta’ akkomodazzjoni monetarja. Barra dan, f’Settembru, il‑Kunsill Governattiv ħabbar li mill‑1 ta’ Novembru 2019, jerġa’ jibda x‑xiri nett ta’ assi taħt l‑APP bir‑rata ta’ €20 biljun kull xahar. Sabiex isostni t‑trażmissjoni tal‑politika monetarja bbażata fuq il‑bank, il‑Kunsill ħabbar ukoll sistema ġdida għar‑remunerazzjoni tar‑riżervi, b’tali mod li parti mil‑likwidità eċċessiva tal‑banek ser tkun eżentata mir‑rata negattiva fuq il‑faċilità ta’ depożitu.

Ir‑raba’ ħarġa tar‑Rivista ta’ kull tliet xhur għall‑2019 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Lura lejn l-Arkivju