News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2017

22/12/2017

Kumitat għall-Ekonomija u l-Affarijiet Finanzjarji

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, Dr. Mario Vella, għamel preżentazzjoni lill-Kumitat għall-Ekonomija u l-Affarijiet Finanzjarji tal-Parlament dwar l-aħħar zviluppi ekonomiċi u fis-settur bankarju ta' Malta. Hu spjega li l-ekonomija kompliet tikber b'rata mgħaġġla fl-ewwel tliet trimestri tal-2017, bit-tkabbir fil-PDG reali jaqbeż is-7%. It-tkabbir fl-impjiegi wkoll baqa' b'saħħtu filwaqt li r-rata tal-qgħad niżlet għal livel rekord baxx. Minkejja dan it-tkabbir ekonomiku mgħaġġel, l-inflazzjoni baqgħet imrażżna. It-tkabbir ekonomiku hu mistenni li jbatti gradwalment filwaqt li l-bilanċ fiskali pożittiv hu mistenni li jippersisti fis-snin li ġejjin. 

Il-Gvernatur ta ħarsa lejn is-settur bankarju f'Malta. Hu spjega li s-settur bankarju hu magħmul minn ħamsa u għoxrin bank. Sitta minn dawn il-banek huma kklassifikati bħala core domestic banks, ħamsa bħala non-core banks u erbatax bħala banek internazzjonali. Fir-rigward tal-core banks, li għandhom rabtiet qawwija mal-ekonomija domestika, il-proporzjonijiet tal-kapital tagħhom baqgħu b'saħħithom u jaqbżu l-minimu regolatorju. Fil-fatt, il-proporzjon tal-kapital totali tagħhom hu 15.9%. Għalkemm il-profittabbiltà tal-core banks iddgħajfet,  madankollu għadha ferm ogħla minn dik ta' pajjiżi oħra Ewropej. Dr. Vella stqarr li l-qligħ fuq l-ishma (ROE) u l-qligħ fuq l-assi (ROA) tal-banek tal-UE kienu 4.2% u 0.3%, rispettivament, imqabbla ma' 8.7% u 0.7% għal core domestic banks. Il-Gvernatur informa wkoll lill-membri tal-Kumitat li l-core domestic banks għandhom bafers għoljin ta' likwidità hekk kif id-depożiti qed jiżdiedu b'rata aktar mgħaġġla mis-self, bis-self għal xiri ta' djar ikun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir tas-self f'Malta. Il-Gvernatur stqarr ukoll li s-self fejn il-ħlas qiegħed b'lura (non-performing loans, NPLs) kompla jonqos fl-ewwel disa' xhur tal-2017. Fir-rigward tal-kwalità tal-assi tal-core domestic banks, il-Gvernatur irrimarka li 30% tal-bonds miżmuma minnhom jikkonsistu minn bonds ta' kwalita' għolja, filwaqt li titoli ta' kwalità medja jammontaw għal madwar nofs il-portafoll. 6% biss tal-portafoll tal-bonds tagħhom jikkonsisti f'bonds li mhumiex klassifikati jew ikkwotati. Fir-rigward ta' prezzijiet ta' proprjetà, ix-xejra 'l fuq kompliet matul l-2017, minħabba li kompliet tissaħħaħ id-domanda.

Il-Gvernatur ikkonkluda l-preżentazzjoni tiegħu billi rrimarka li Malta qed tesperjenza xenarju makroekonomiku pożittiv, filwaqt li l-core domestic banks baqgħu b'saħħithom, ikkaratterizzati minn riżervi u bafers ta' likwidità b'saħħithom, flimkien ma' aktar titjib fil-kwalità tal-assi. Hu aċċenna għal fatturi ġeopolitiċi bħala riskju ewlieni għall-prospetti ekonomiċi domestiċi, filwaqt li sfida ewlenija għas-sistema bankarja domestika hi li ssostni l- profittabbiltà minħabba żviluppi mrażżna fis-self u xenarju fit-tul ta' rata baxxa tal-imgħax.

Lura lejn l-Arkivju