News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2016

01/12/2016

Solidarjetà permezz tal-Imħabba – Muniti Kommemorattivi taż-€2 maħruġin taħt il-programm ‘Mit-tfal b’Solidarjetà'

Fil‑5 ta' Diċembru 2016, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż‑€2 taħt il‑programm ġdid 'Mit‑tfal b'Solidarjetà', bl‑ewwel tema tkun 'Solidarjetà permezz tal‑Imħabba'. Din hija inizjattiva bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol, u l‑Malta Community Chest Fund. Il‑Malta Community Chest Fund hija fondazzjoni karitattiva taħt il‑patroċinju tal‑President ta' Malta. Hija fondazzjoni li tħajjar u tmexxi attivitajiet u inizjattivi bil‑għan li jgħinu individwi bi bżonnijiet diversi.

Imniedi b'mod uffiċjali fil‑5 ta' Ġunju 2015 mill‑President ta' Malta, Marie‑Louise Coleiro Preca u l‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, dan il‑programm dwar ħruġ ta' muniti b'temi soċjali kien jinvolvi kompetizzjoni għad‑disinn tal‑munita li kienet miftuħa għall‑istudenti kollha tal‑iskejjel sekondarji. Mid‑disinji kollha sottomessi, il-panel ta' ġudikanti għażel ħames disinji finali. Id‑disinn rebbieħ imbagħad ingħażel permezz ta' votazzjoni li kienet miftuħa għall‑istudenti kollha tal‑iskejjel sekondarji. L‑iskejjel inkoraġġew lill‑istudenti sabiex jieħdu sehem f'din il‑votazzjoni biex jigi mħajjar sens ta' ċittadinanza responsabbli minn età żgħira.

In‑naħa ta' wara tal‑munita turi n‑naħa komuni taż‑€2, filwaqt li n‑naħa ta' quddiem (in‑naħa nazzjonali) turi żewġ idejn li qed jiffurmaw qalb waqt li jinkwadraw rappreżentazzjoni tal‑bandiera Maltija. In‑naħa ta' quddiem tal‑munita, imnaqqxa minn Noel Galea Bason, turi rappreżentazzjoni tad‑disinn rebbieħ iddisinjat minn Ms Sarah Cilia, studenta ta' skola sekondarja.

Dawn il‑muniti kommemorattivi ser joħorġu f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll f'coin cards. Il‑muniti fil‑cards, li minnhom ser isiru biss 30,000, ser juru marka taz‑zekka tal‑Monnaie de Paris, fejn inħadmu l‑muniti. Il‑prezz ta' stoċċ ta' 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta' coin card huwa €7. Il‑qligħ mill‑bejgħ tal‑coin cards ser imur b'risq il‑Malta Community Chest Fund Foundation.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coins Distribution Centre. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCDC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Solidarjetà permezz tal-Imħabba – Muniti Kommemorattivi taż-€2 maħruġin taħt il-programm ‘Mit-tfal b’Solidarjetà’

Lura lejn l-Arkivju