News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2016

20/09/2016

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tieni Ħarġa tal-2016

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tieni ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2016, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji riċenti f'Malta u barra minn Malta matul l‑ewwel nofs tas‑sena. Ir‑Rivista tinkludi wkoll rapporti analitiċi dwar is‑settur lokali tal‑kostruzzjoni, l‑impatt ekonomiku tal‑bidliet fl‑età tal‑pensjoni, u dwar l‑aġġustament staġjonali tal‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP). Din l‑edizzjoni tintroduċi wkoll miżura ta' stress finanzjarju u tivvaluta l‑impatt tal‑istress finanzjarju fuq l‑ekonomija Maltija.

Ir‑Rivista taċċenna li, matul it‑tieni trimestru tal‑2016, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm xejra akkomodattiva tal‑politika monetarja bil‑għan li jsaħħaħ l‑irkupru ekonomiku fiż‑żona tal‑euro, kif ukoll jaċċellera r‑ritorn tal‑inflazzjoni lejn il‑mira ta' inqas mil‑livell ta', jew viċin, 2%. B'mod aktar speċifiku, ir‑rati ewlenin tal‑imgħax baqgħu l‑istess matul it‑trimestru kopert. Il‑BĊE beda wkoll jimplimenta pakkett komprensiv ta' miżuri straordinarji li tħabbru f'Marzu, li kien jinkludi żieda fl‑ammont ta' xiri ta' kull xahar ta' assi, programm ġdid ta' xiri mis‑settur korporattiv, u serje ġdida ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal.

Matul it‑tieni trimestru tal‑2016, il‑prodott domestiku gross (PDG) fiż‑żona tal‑euro żdied b'0.3% fuq bażi trimestrali u b'1.6% f'termini annwali. L‑inflazzjoni annwali fiż‑żona tal‑euro, kif imkejla mill‑HICP, baqgħet imrażżna u laħqet il‑livell ta' 0.1% f'Ġunju.

It‑tbassir ippubblikat f'Settembru mill‑istaff tal‑BĊE jindika kontinwazzjoni ta' tkabbir ekonomiku fi ħdan iż‑żona tal‑euro, bil‑PDG mistenni li jiżdied b'1.7% fl‑2016 u b'1.6% fl‑2017 u fl‑2018. L‑inflazzjoni hi mistennija li taċċellera u titla' għal 1.2% fl‑2017 u 1.6% fl‑2018.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi domestiċi, ir‑Rivista tinnota li l‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'mod qawwi fl‑ewwel trimestru tal‑2016. Dan it‑tkabbir ġie msaħħaħ kompletament mid‑domanda domestika. L‑istima inizjali ppubblikata f'Ġunju għat‑tkabbir fil‑PDG reali f'dan il‑perjodu turi żieda annwali ta' 5.2%.1 Matul it‑tieni trimestru, it‑tkabbir annwali fil‑PDG reali batta għal 3.0%.

L‑attività ekonomika b'saħħitha ġiet riflessa wkoll fis‑suq tax‑xogħol. Skont il‑Labour Force Survey (LFS), l‑impjiegi żdiedu bi 2.6% f'termini annwali fl‑ewwel trimestru tal‑2016. Sadattant, ir‑rata tal‑qgħad ibbażata fuq l‑LFS naqset għal 4.9%. Skont ir‑reġistri amministrattivi, in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati kompla jonqos fit‑tieni trimestru tal‑2016.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP f'Malta kienet 1.0% f'Ġunju, l‑istess bħal dik ta' Marzu. Żidiet aktar mgħaġġlin ġew irreġistrati fil‑prezzijiet tal‑ikel mhux ipproċessat u fil-prezzijiet tas‑servizzi. Madankollu, dawn il‑fatturi ġew megħluba minn tnaqqis aktar mgħaġġel fil‑prezzijiet tal‑enerġija u żieda b'pass inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija.

Fis‑settur barrani, il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti rreġistra tnaqqis fil‑bilanċ pożittiv fl‑ewwel trimestru tal‑2016 meta mqabbel mal‑istess trimestru tal‑2015. Dan kien dovut għal żieda fl‑iżbilanċ fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija u żieda fil‑ħruġ nett relatat mal‑introjtu primarju, li għelbu żieda fid‑dħul nett mis‑servizzi u l‑introjtu sekondarju.

Id‑dinamika monetarja baqgħet b'saħħitha, għalkemm id‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' banek Maltin żdiedu b'rata annwali inqas mgħaġġla ta' 6.0%, wara żieda ta' 10.0% f'Marzu. Il‑kreditu lil residenti f'Malta wkoll kompla jiżdied b'rata mgħaġġla, bir‑rata tat‑tkabbir annwali tilħaq il‑5.4% f'Ġunju.

B'konformità mal‑iżviluppi fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi, il‑yields tas‑suq monetarju lokali niżlu bi ftit matul it‑trimestru kopert. Fis‑suq primarju, il‑yield fuq bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur naqset b'erbatax‑il punt bażi bejn Marzu u Ġunju, u fl-aħħar tat‑trimestru kienet fil‑livell ta' ‑0.28%. Fis‑suq sekondarju, il‑yield fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' għaxar snin naqset b'erba' punti bażi bejn Marzu u Ġunju għal 0.86%. Matul l‑istess perjodu, ir‑rata medja ppeżata tal‑imgħax fuq depożiti offruta minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji lil individwi u kumpaniji mhux finanzjarji naqset b'ħames punti bażi għal 0.58%. Ir‑rata fuq is‑self niżlet ukoll bi ftit għal 3.75% f'Ġunju.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, fl‑ewwel trimestru tal‑2016 il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali naqas fuq l‑istess perjodu sena qabel, hekk kif żdied id‑dħul filwaqt li naqas l‑infiq. B'riżultat ta' dan, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali naqas għal 0.1% tal‑PDG meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri. Madankollu, il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern ġenerali għall‑PDG żdied sabiex laħaq il‑65.3% fl‑aħħar tat‑trimestru. Id‑data tal‑Fond Konsolidat turi li d‑defiċit naqas matul l‑ewwel nofs tal‑2016, meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2015.

Minn perspettiva ta' politika ekonomika, il‑Bank jinnota li t‑tnaqqis fid‑defiċit fiskali huwa żvilupp pożittiv. Id‑Dokument ta' qabel il‑Baġit għall‑2017 jipprevedi aktar tnaqqis, b'mira għall‑proporzjon tad‑dejn għall‑PDG ta' 0.6% fl‑2017, u pożizzjoni qrib il‑bilanċ fl‑2018. Il‑proporzjon tad‑dejn ukoll mistenni jonqos u jinżel taħt is‑60% fl‑2018. Huwa essenzjali li dawn il‑miri jiġu sostnuti minn miżuri definiti b'mod ċar.

Is‑sistema finanzjarja tkompli tibbenefika minn pass qawwi ta' tkabbir ekonomiku, prattiċi prudenti tan‑negozju u miżuri makroprudenzjali mfasslin sabiex itaffu riskji sistemiċi potenzjali. Il‑proporzjonijiet ta' kapital u likwidità jibqgħu f'livelli għoljin filwaqt li s‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans) juri sinjali ta' tnaqqis. Politika prudenti fit‑tqassim ta' dividendi, żieda fil‑livelli ta' provvedimenti u tisħiħ fil‑proċessi ta' valutazzjoni tal‑kollateral huma essenzjali biex tinżamm is-saħħa tas‑sistema finanzjarja.

Barra minn hekk, ir‑Reġistru Ċentrali tal‑Kreditu introdott riċentement mill‑Bank Ċentrali ta' Malta u l-miżuri straordinarji addizzjonali tal‑politika monetarja mnedija mill‑BĊE jistgħu jgħinu lill‑banek inaqqsu l‑ispejjeż tas‑self lokali u jsostnu aktar tkabbir tas‑self. Aktar trasparenza fir‑rigward tal‑ispejjeż mhux mill‑imgħax tista' wkoll tgħin biex ibattu l‑kundizzjonijiet għall‑finanzjament lokali.

It‑tieni ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2016 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.


1 Din ġiet riveduta 'l fuq għal 5.3% fl-Istqarrija 142/2016 tal-NSO, ippubblikata fis-6 ta' Settembru 2016.

Lura lejn l-Arkivju