News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

11/09/2015

Programm Edukattiv Nazzjonali għas-Settur tal-Bejgħ bl‑Imnut − ‘Kun Af il-Karti tal-Flus Tiegħek’

Impjegati tas‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut jattendu attivitajiet ta' taħriġ dwar l‑immaniġġar tal‑flus

Fis‑7 ta' Lulju 2015 tnieda b'mod uffiċjali l‑'Programm Edukattiv Nazzjonali għas‑Settur tal‑Bejgħ bl‑Imnut' waqt konferenza stampa indirizzata mill‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Josef Bonnici, u l‑President tal‑GRTU (General Retailers and Traders Union), is‑Sur Paul Abela.

Il‑Programm jinvolvi taħriġ dettaljat maħsub sabiex min jimmaniġġa l‑flus fis‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut ikun jista' jinterpreta mal‑ewwel id‑diversi karatteristiċi ta' sigurtà tal‑karti tal‑flus.

Diġà sar taħriġ mifrux f'diversi ħwienet f'Malta u Għawdex, b'aktar minn mitt sessjoni ta' taħriġ ipprovduti mill‑impjegati tal‑Currency Operations Unit tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Aktar minn tmien mitt impjegat, li jimmaniġġaw il‑flus bħala parti mix‑xogħol tagħhom ta' kuljum, attendew dawn is‑sessjonijiet ta' taħriġ.

Fil‑11 ta' Settembru 2015, impjegati minn diversi kumpaniji tas‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut ġew ippreżentati biċ‑Ċertifikati ta' Attendenza mid‑Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, is‑Sur Alexander Demarco, u l‑President tal‑GRTU, is‑Sur Paul Abela. Iċ‑Ċertifikati ġew ippreżentati wkoll lill‑kumpaniji li ħadu sehem f'dan il‑programm edukattiv.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑GRTU jagħmlu ħilithom sabiex isaħħu u jsostnu t‑taħriġ u l‑programmi edukattivi tagħhom relatati mal‑flus u strumenti oħra ta' pagament, sabiex b'hekk jiżguraw li tintlaħaq firxa aktar wiesgħa ta' impjegati fis‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut. 

Is-Sur Alexander Demarco, Deputat Gvernatur, Bank Ċentrali ta' Malta jippreżenta ċertifikat ta' attendenza lil waħda mill-parteċipanti. Ms Abigail Mamo, CEO GRTU, is-Sur Paul Abela, President GRTU u s-Sur Paul R Muscat, Direttur Financial Services, Bank Ċentrali ta' Malta kienu preżenti wkoll.
Is-Sur Alexander Demarco, Deputat Gvernatur, Bank Ċentrali ta' Malta jippreżenta ċertifikat ta' attendenza lil waħda mill-parteċipanti. Ms Abigail Mamo, CEO GRTU, is-Sur Paul Abela, President GRTU u s-Sur Paul R Muscat, Direttur Financial Services, Bank Ċentrali ta' Malta kienu preżenti wkoll. 

Lura lejn l-Arkivju