News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

25/09/2015

Ħruġ ta’ Prodott Numiżmatiku Konġunt mill-Bank Ċentrali ta’ Malta u Heritage Malta

Fil‑25 ta' Settembru 2015, il‑Professur Josef Bonnici, Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, u Dr Joseph M Buttigieg, iċ‑Chairman ta' Heritage Malta, nedew prodott numiżmatiku konġunt li jikkommemora l‑450 anniversarju mill‑Assedju l‑Kbir tal‑1565, waqt avveniment li fakkar dan l‑anniversarju nazzjonali importanti fil‑Palazz tal‑Gran Mastru. Dan il‑prodott konġunt jikkonsisti f'munita tal‑fidda maħruġa mill‑Bank Ċentrali ta' Malta u folja tal‑fidda maħruġa minn Heritage Malta.

Il‑munita nħadmet fir‑Royal Dutch Mint f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 mm. Il‑munita hija maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha huwa limitat għal 5,000 munita. Il‑folja tal‑fidda għandha daqs ta' 38x28 mm, hija magħmula minn 0.999 fidda u tiżen 1.12 grammi.

Il‑munita, iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, turi l‑monument tal‑bronż tal‑1927, maħdum minn Antonio Sciortino b'tifkira għal dawk li mietu waqt l‑Assedju l‑Kbir tal‑1565. Il‑folja tal‑fidda turi l‑Gran Mastru Jean de Valette kif impitter minn Matteo Perez d'Aleccio.

L‑Assedju l‑Kbir ta' Malta huwa avveniment storiku u epiku. Ir‑reżistenza erojka mill‑Kavallieri u l‑Maltin, taħt it‑tmexxija tal‑Gran Mastru Jean de Valette, kisbet l‑ammirazzjoni tal‑Ewropa.

Il‑prodott konġunt hu ppakkjat f'kaxxa attraenti u huwa limitat għal 1,565 sett, li jirrifletti s‑sena tal‑Assedju l‑Kbir. Kull sett huwa akkumpanjat minn ċertifikat uniku nnumerat, u se jinbiegħ għal €75.

Il‑pubbliku huwa infurmat li l‑munita tal‑fidda tista' tinxtara individwalment għall‑prezz ta' €60.

L‑edizzjoni limitata tas‑settijiet u l‑muniti tal‑fidda individwali jistgħu jinxtraw direttament mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta. Iż‑żewġ prodotti jistgħu jiġu ordnati billi tintbagħat email. Il‑muniti individwali jistgħu jiġu ordnati wkoll billi timtela l‑formola li tinstab fuq is‑sit tal‑Bank. Għal aktar informazzjoni l‑pubbliku huwa ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre tal‑Bank billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 3550 6006/7/8.

Il‑munita u s‑sett jistgħu jinxtraw ukoll mill‑ħanut tal‑mużew tal‑wirja tal‑Assedju l‑Kbir fil‑Palazz tal‑Gran Mastru, kif ukoll minn ħwienet oħra ta' Heritage Malta. 

Joint numismatic product - 450th Anniversary of the Great Siege of Malta

Lura lejn l-Arkivju