News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2010

23/07/2010

Ir-Riżultati tal-Istress Tests għas-settur bankarju fl-UE

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Awtorità Maltija għas‑Servizzi Finanzjarji qed jippubblikaw ir‑riżultati u informazzjoni oħra dwar l‑eżerċizzju tal‑istress test fir‑rigward tal‑Bank of Valletta plc.  Dan l‑eżerċizzju kien immexxi madwar l‑UE kollha mill‑Committee of European Banking Supervisors (CEBS) b'kollaborazzjoni mal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u awtoritajiet nazzjonali.

Ir‑riżultati ġenerali jikkonfermaw li l‑Bank of Valletta plc kapaċi jiflaħ għax‑xokkijiet estremi imma plawsibbli li kienu simulati f'dan l‑eżerċizzju.  Il‑proporzjon tal‑kapital tal‑ewwel kategorija (Tier 1) tal‑bank li rriżulta baqa' b'saħħtu fil‑livell ta' 9.3%, li hu ferm ogħla mill‑livell ta' 6% li ġie ffissat għal dan l‑eżerċizzju speċifiku mis‑CEBS u mill‑BĊE.  Il‑minimu regolatorju hu ta' 4%.

Dawn ir‑riżultati għandhom jiġu interpretati bħala xenarju li "kieku kellu jseħħ" u bla ebda mod ma jirrappreżentaw tbassir jew projezzjoni dwar kif se jmur il‑Bank of Valletta plc.

Ir‑riżultati tal‑Bank of Valletta plc jinsabu fuq is‑siti elettroniċi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta u tal‑Awtorità Maltija għas‑Servizzi Finanzjarji rispettivament.

Skont parametri mfassla mis‑CEBS u mill‑BĊE, l‑HSBC Bank Malta plc ġie inkluż f'dan l‑eżerċizzju fuq bażi kkonsolidata bħala parti mill‑HSBC Holding plc, li tagħha hu sussidjarja.  F'dan il‑każ, għalhekk, l‑eżerċizzju tal‑istress test sar mill‑awtoritajiet tar‑Renju Unit.

Aktar informazzjoni dwar l‑eżerċizzju tal‑istress tests li saru mal‑UE kollha u r‑riżultati miksuba mill‑91 banek Ewropej f'dan l‑eżerċizzju jinsabu fuq is‑siti elettroniċi tas‑CEBS u tal‑BĊE.

Riżultati tal-istress test li sar fl-UE kollha

Lura lejn l-Arkivju